Internazzjonali

Għargħar katastrofiku fil-pajjiżi tal-Ewropa li qed jiffaċċjaw kundizzjonijiet mill-aktar diffiċli

Il-pajjiżi fiċ-ċentru u lejn il-Lvant tal-Ewropa mistennija jkomplu jiffaċċjaw il-konsegwenzi tal-inċidenzi tal-għargħar estremi li huma fost l-agħar li qatt laqtu lill-kontinent għal ħafna snin…

Dan waqt li x-xita u l-elementi oħrajn mill-Maltempata Boris qed joħolqu straġi sħiħa  madwar il-kontinent fost ir-rapporti dwar l-imwiet u persuni iżolati waqt sitwazzjonijiet ‘diffiċli u impossibbli.

Hu konfermat li membru tal-iskwadri għall-emerġenzi fl-Awstrija tilef ħajtu waqt li kien qed isalva lin-nies mill-għargħar. Dan fost il-konferma li diversi nies ukoll mietu mgħarrqin fil-Polonja u r-Rumanija – b’numru ta’ persuni jispiċċaw irrappurtati nieqsa fir-Repubblika Ċeka.

Ma setax jonqos li l-impatt kaotiku ta’ ‘Boris’ kellu jaffettwa lill-għexieren tal-eluf tal-familji li spiċċaw mingħajr provvista tad-dawl u bl-evakwazzjonijiet ikomplu miz-zoni li spiċċaw f’periklu dirett mill-għargħar f’numru ta’ pajjiżi.

Il-provinċja fil-madwar ta’ Vjenna, fl-Awstrija, fil-preżent hi dikjarata bħala zona ta’ diżastru, bl-uffiċjali lokali jitkellmu dwar sitwazzjoni ta’ temp estrem mingħajr l-ebda preċedent.

Is-Slovakkja wkoll intlaqtet ħażin ħafna mill-maltempata – bl-elementi jinħassu b’mod partikulari fil-kapitali Bratislava.

Minbarra dan il-pajjiż, ir-Repubblika ta’ Ċekja u r-Rumanija wkoll qed ibatu l-konsegwenzi tal-għargħar li faqa’ lil diversi bliet – fosthom il-kwartieri storiċi – u bir-residenti fin-nofsinar tal-Ġermanja jirrappurtaw sitwazzonijiet fejn l-ilma tax-xmajjar kienet qrib li tifqa’ l-art wara perjodi twal tax-xita.

Sadanittant, fl-Ungerija qed tiżviluppa sitwazzjoni allarmanti għaz-zoni fil-madwar tax-Xmara Danubju fil-kapitali Budapest….F’din is-sitwazzjoni, il-livelli tal-ilma ta’ din ix-xmara kapaċi titla’ għal livelli rekord u r-rapporti mill-kapitali Ungeriża qalu li s-Sindku ħareġ diġà ‘flood alert’ urġenti għas-sezzjonijiet fejn ittellgħu l-ilqugħ għal kontra l-għargħar.

Fil-Polonja, il-Ministeru tad-Difiża konferma l-qerda ta’ pont fl-inħawi ta’ Stronie Slaskie u f’ħin meta mewġa kbira tal-ilma kienet qed tkaxkar kollox hi u għaddejja minn din il-belt. F’din is-sitwazzjoni ħarġu l-kontinġenti tas-suldati biex jgħinu lill-popolazzjoni li qed jiffaċċjaw diversi diffikultajiet u meta numru kbir ta’ residenti kellhom ikunu evakwati mill-bjut tad-djar bl-għajnuna tal-ħelikopters.

Intant, fir-Rumanija kienet ikkonfermata l-ħames mewta dovuta għall-elementi tal-Maltempata Boris – u meta l-vittmi f’dan il-pajjiż mistennija jiżdiedu b’mod sinifikanti. L-aħħar vittma kien instab fir-reġjun ta’ Galati – l-istess reġjun fejn, nhar is-Sibt, kienu tilfu ħajjithom erba’ persuni b’kaġun tal-għargħar.

Fir-Repubblika ta’ Ċekja, fl-aħħar sigħat, saru t-taħditiet ta’ emerġenza u fejn il-Prim Ministru  Petr Fiala u l-Ministru tal-Intern Vit Rakusan sejħu biex ir-residenti tal-ibliet jirrispettaw l-istruzzjonijiet tas-Sindki u jevakwaw mill-inħawi tat-theddida mill-għargħar minħabba l-potenzjal ta’ fatalitajiet f’dik iz-zona.