Lokali

Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan isellem il-memorja ta’ Karl Gouder

Ħabib u kollega. Bniedem dedikat u mimli mħabba – dejjem bi tbissima fuq fommu – dik l-istess tbissima li laqtet il-qalb ta’ ħafna nies.

Hekk sostnew dawk kollha li indirizzaw il-velja li saret quddiem il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, bħala tislima għall-Eks Sindku ta’ San Ġiljan u Eks Deputat Nazzjonalista Karl Gouder.

Din il-velja tas-Sibt saret b’tislima lill-Eks Deputat Nazzjonalista Karl Gouder li f’16-il sena serva f’diversi karigi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista fosthom bħala Sindku ta’ San Ġiljan u Membru Parlamentari f’isem il-PN. Bl-aħħar kariga tkun dik ta’ Chief Operations Officer f’Net Media.

Preżenti għal din il-velja kien hemm il-Kap tal-PN Bernard Grech flimkien ma’ AnneMarie Grech, ix-Shadow Ministers Karol Aquilina, Albert Buttigieg, Mark Anthony Sammut, Graziella Galea u Eve Borg Bonello.

Is-Sindku preżenti ta’ San Ġiljan Guido Dalli flimkien ma’ numru ta’ Kunsillieri, Eks Sindki u eks kunsillieri fi ħdan il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan.