Internazzjonali

Il-Veneżwela: Jiċħdu dwar kumplott kontra l-ħajja tal-President Maduro

L-Istati Uniti ċaħdet l-akkużi tal-Veneżwela fis-sens li l-aġenzija sigrieta (Amerikana) CIA kienet involuta f’kumplott kontra l-ħajja tal-President Veneżolan, Nicolas Maduro, flimkien ma’ uffiċjali oħrajn tal-Gvern immexxi minnu.

Dan wara li tlett ċittadini Amerikani, żewġ Spanjoli u ċittadin tar-Repubblika ta’ Ċekja spiċċaw arrestati fil-Veneżwela fost suspetti li huma kienu għaddejjin bl-azzjonijiet biex jiddistabbilizzaw lill-Istat Latin Amerikan.

Il-Ministeru għall-Intern f’Karakas qed jirreferi għall-arrestati bħala ‘merċenarji’ fost l-akkużi li s-CIA kienet qed tmexxi l-missjoni sigrieta fil-Veneżwela. Ingħad ukoll li l-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż ħatfu l-mijiet tal-armi waqt l-investigazzjonijiet.

Intant, l-Istati Uniti qalet li kull attentat tal-Veneżwela biex tpittirha bħala ‘sponsor tal-assassini’ hu kategorikament falz. Dan waqt li kelliema għad-Dipartiment tal-Istat f’Washington qalu li membru tal-militar Amerikan kien qed jinżamm fil-Veneżwela – b’rapporti oħrajn, mhumiex ikkonfermati, jirreferu għall-arrest, f’dak il-pajjiż, ta’ żewġ ċittadini Amerikani oħra.

Il-Ministeru għall-Intern fil-Veneżwela qed jgħid ukoll li l-arrestati kienu kuntattjaw lill-gruppi ta’ ‘merċenarji Franċiżi’ mill-Ewropa tal-Lvant u li kienu involuti fi pjan biex il-Veneżwela ssofri xi tip ta’ attakk sinifikanti.

Il-Gvern Spanjol, min-naħa tiegħu, ċaħad li l-Ispanjoli arrestati fil-Veneżwela huma membri tas-servizzi sigrieti ta’ Spanja – bl-uffiċjali f’Madrid ukoll jiċħdu għal kull insinwazzjoni li pajjiżhom seta kellu sehem fi pjan intiż biex itellef l-istabbilità politika fil-Veneżwela.