Mijiet ta’ persuni, tfal, anzjani, ġenituri u naniet, ħadu sehem fil-pellegrinaġġ li jsir ta’ kull sena fl-lokalità ta’ Ħaż Żabbar. Dan kollu hekk kif tul il-jum tal-Ħadd jintalaħaq il-qofol tal-festa tal-Madonna tal-Grazzja, li magħha tiġbed eluf ta’ devoti tul il-ġimgħa kollha.
Dan il-pellegrinaġġ, li jagħmlu għalih mijiet ta’ ċiklisti u motoċiklisti huwa avveniment ferm popolari f’Ħaż Żabbar kif ukoll mal-pajjiż kollu hekk kif il-Madonna tal-Grazzja hija wkoll il-patruna tas-sewwieqa ta’ muturi.
Net News kien preżenti fi Triq is-Santwarju fejn tkellimna ma uħud mill-parteċipanti.
Dan filwaqt li kien hemm numru ta’ persuni li saħqu ma’ Net News li huma jattendu għal dan l-avveniment ta’ kull sena, b’raġel saħansitra jisħaq li ilu jattendi għaliha sa minn meta kien tfajjel ċkejken lura fis-sittinijiet.
F’kummenti ma’ Net News l-Arċipriet ta’ Ħaż Żabbar Dun Roderick Camilleri spjega aktar dwar is-sinifikat ta’ dan il-pellegrinaġġ.
Huwa spjega kif dan il-pellegrinaġġ beda fl-1951 u kull sena kompla jikber hekk kif illum il-ġurnata mijiet ta’ persuni jkunu ferm ħerqanin sabiex jieħdu sehem f’dan il-pellegrinaġġ.
//= $special ?>