Marokkin ta’ 33 sena ġie kundannat sentejn u sitt xhur ħabs wara li ammetta li l-Ħadd filgħodu kkaġuna ġrieħi gravi lil terza persuna. Brahim Ouahmane, resdienti l-Għargħur, ġie mixli quddiem il-Maġistrat Victor Axiak il-Ħadd stess li kkaġuna ġrieħi gravi fuq persuna oħra. Huwa kien akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika.
Il-Qorti semgħet li l-pulizija kienet ssejħet biex tagħti l-assistenza għall-ħabta tas-2.30am wara argument fuq it-taraġ ta’ Santa Rita f’Paceville. L-Ispettur Roderick Attard spjega li l-ġlieda oriġinarjament kienet bejn bouncer u l-akkużat, iżda, f’ħin minnhom l-akkużat tefa’ tazza u laqat terza persuna li ma kinitx involuta.
Fil-Qorti ħareġ li t-tazza ħabtet ma’ wiċċ persuna li kienet għaddejja. Il-pulizija sabu lill-vittma bid-demm ħiereġ minn wiċċu. L-akkużat mill-ewwel qal li kien se jammetti l-ħtija tiegħu iżda ried jispjega ruħu dwar dak li ġara.
Il-prosekuzzjoni u d-difiża ressqu lejn il-bank tal-Maġistrat biex jiddiskutu l-każ fil-privat. L-Avuakt tal-għajnuna legali Martin Fenech imbagħad reġa’ tkellem mal-klijent tiegħu, qabel ma kkonferma u wieġeb li hu ħati.
Saru sottomissjonijiet dwar il-piena, b’ Dr.Fenech jargumenta li l-klijent kellu kondotta nadifa. “Hu qatt ma ried jolqot lill-persuna,” qal l-avukat f’ismu, li stieden lill-Qorti biex tikkundanna lir-raġel piena minima. Il-Prosekutur Julian Scicluna nnota wkoll li l-akkużat ma kellu l-ebda intenzjoni li jolqot lill-vittma.
Ir-raġel instab ħati b’ammissjoni tiegħu stess u ġie kundannat sentejn u sitt xhur ħabs. Inħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għal tliet snin favur il-vittma.
//= $special ?>