Internazzjonali

Stati Uniti: Ritorn trijonfali għall-ekwipaġġ ta’ SpaceX wara l-missjoni storika

L-ekwipaġġ ta’ Polaris Dawn ta’ SpaceX irritorna qawwi u sħiħ fid-dinja wara ħamest ijiem fl-orbita u wara missjoni storika fejn spikka l-ewwel ‘spacewalk’ – jew sitwazzjoni fejn in-nies jispiċċw jimxu fl-ispazju – fuq bażi kummerċjali.

Il-kapsula bl-isem ‘Dragon’ niżel fil-baħar ‘il hinn mill-kosta ta’ Florida, fl-Istati Uniti, u bl-inżul jinqabad fuq livestream  organizzat mill-uffiċjali tal-kumpannija SpaceX, tal-imprenditur biljunarju Elon Musk.

L-aġenzija tal-ispazju NASA tal-Istati Uniti qalet li l-missjoni rappreżentat ‘qabża kbira ‘il quddiem’ għall-industrija tal-ispazju kummerċjali.

Fil-ħin meta daħal lura fl-atmosfera tad-dinja, l-inġenju spazjali beda l-inżul tiegħu f’temperaturi ta’ 1,900 gradi Celsius u waqt li kien għaddej b’veloċità ta’ madwar 27,000 kilometru fis-siegħa.

L-erba’ ċivili – immexxija mill-biljunarju Jared Isaacman – li għamlu dan il-vjaġġ storiku, fil-fatt, ivvjaġġaw aktar lejn iz-zoni mbiegħdin tal-ispazju minn kwalunkwe bnedmin ieħor għal aktar minn 50 sena.

Fost l-ekwipaġġ tal-inġenju spazjali kien hemm ukoll Scott Potet, eks-pilota mal-qawwiet tal-ajru Amerikani u l-impjegati ta’ SpaceX Sarah Gillis u Anna Menon.

Isaacman u Gillis huma l-ewwel membri mhumiex professjonali tal-ekwipaġġ ta’inġenju spazjali li ħadu sehem fi ‘spacewalk’ … Manuvra pjuttost riskjuża minħabba li n-nies iridu litteralment joħorġu fl-ispazju minn dan l-inġenju.