Internazzjonali

Sparatura fil-viċinanzi ta’ Donald Trump, iżda l-inċident ma jidhirx li affettwa lill-Eks President

L-attivisti li qed imexxu l-kampanja presidenzjali tal-Eks President Amerikan Donald Trump, qalu li hu jinsab ‘qawwi u sħiħ’ wara li seħħet sparatura fil-viċinanzi tiegħu.

Dan meta ma kenitx ċara l-lokalità partikulari ta’ Trump li f’Novembru se jikkuntesta mill-ġdid għall-White House għan-nom tal-Partit Repubblikan.

Intant, is-sorsi infurmati u l-media mhumiex joħorġu b’wisq dettalji f’dan il-mument – madankollu l-Washington Post u xi entitajiet oħra tal-media qalu li l-isparatura seħħet viċin il-korsa tal-golf ta’ Trump f’Palm Beach, fl-Istat ta’ Florida.

Fl-istess ħin, stqarrija qalet ċar u tond li ‘l-inċident tal-isparatura ma affettwatx lill-Eks President’ – bil-każ ifakkar fl-attentat ta’ assassinju fuq Trump li kien seħħ f’Pennsylvania fit-13 ta’ Lulju u fejn hu kien spiċċa midruba ħafif minn balla sparata fid-direzzjoni tiegħu.