Fi stqarrija, il-kunsillieri lokali tal-Partit Nazzjonalista fil-Belt Ylenia Montfort, Roberta Bonello u Vince Fabri iddikjaraw li dak li ġara fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill Lokali li saret nhar it-Tlieta, 3 ta’ Settembru, b’rabta mal-kuntratt għar-restawr tal-faċċata tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, mhuwiex aċċettabbli.
Dan il-kuntratt ġie approvat u ngħata sabiex jibda x-xogħol fil-laqgħa li saret nhar is-6 ta’ Awwissu 2024, meta l-Kunsill Lokali approva unanimament ir-rapport tal-Bord tal-Għazla.
B’din l-approvazzjoni, l-amministrazzjoni tal-Kunsill Lokali kellha d-dover li tmexxi l-proċess ’il quddiem billi tinforma bid-deċizjoni tal-Kunsill Lokali lil dawk kollha li tefgħu t-tender għal dan ix-xogħol u jiskatta l-perjodu tal-appell. Jidher li mingħajr ma kienu jafu l-membri tal-Kunsill Lokali (jew uħud minnhom), dan il-proċess ma skattax u l-istess kuntratt reġa’ ġie għad-diskussjoni fil-laqgħa ta’ wara, ċioè dik li saret fit-3 ta’ Settembru.
Fil-frattemp, bejn il-laqgħa li saret fis-6 ta’ Awwissu u l-laqgħa tat-3 ta’ Settembru, il-kunsillieri talbu li ssir laqgħa b’urġenza, imma din it-talba baqgħet ma ntlaqgħetx mis-Sindku Laburista.
Għal-laqgħa tat-3 ta’ Settembru, attenda wkoll l-avukat tal-Kunsill. Wara li l-avukat ta l-parir tiegħu fuq punt tekniku, parir li l-maġġoranza tal-Kunsill Lokali ma qablitx miegħu, il-kunsillieri Nazzjonalisti talbu għal diversi kjarifiki li baqgħu ma ngħatawx. F’dan l-istadju, is-Sindku ddikjara li huwa waħdu għandu d-dritt li jwaqqa’ l-kuntratt fuq il-bażi li huwa s-Sindku. Fost ħafna battibekki bejn il-kunsillieri, is-Sindku qal li kien se jwaqqa’ l-kuntratt għaliex għandu l-poter bħala Sindku li jagħmel dan. Għamel ukoll allegazzjonijiet fil-konfront ta’ waħda mill-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista, li baqa’ ma ssostanzjahomx.
F’dan l-istadju, is-Sindku ddikjara li se jkun qed jaqa’ l-kuntratt u dan sar fuq deċizjoni tieghu biss meta kien ċar ħafna li l-maġġoranza tal-membri tal-Kunsill ma kinux qed jaqblu mad-deċizjoni. Sa ftit ħin wara, din id-deċizjoni tas-Sindku kienet diġà ġiet implimentata mill-amministrazzjoni tal-Kunsill Lokali, b’kuntrast mad-deċiżjoni preċedenti tal-Kunsill Lokali li baqgħet fuq l-ixkaffa u ħadd m’għamel xejn fuqha.
It-twaqqigħ ta’ dan il-kuntratt sar kollu bi ksur tal-liġi għaliex id-deċiżjonijiet fil-kunsill jittieħdu mill-maġġoranza tal-kunsillieri u mhux minn persuna waħda. Iktar minn hekk, l-amministrazzjoni tal-kunsill lokali għandha taġixxi biss fuq dak li tiddeċiedi l-maġġoranza tal-kunsillieri.
Għaldaqstant, filwaqt li juru solidarjetà mal-Kapitlu u mal-parruċċani tal-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, il-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta jiddikjaraw li fil-jiem li ġejjin se jkunu qed jieħdu passi ulterjuri fil-konfront ta’ dawn l-illegalitajiet.
//= $special ?>