Internazzjonali

Donald Trump: Żewġ attentati fuq ħajtu f’xahrejn… u l-poplu, issa, qed jistenna spjegazzjoni dwar is-sigurtà ta’ madwaru

Fl-Istati Uniti qed jiżdiedu l-mistoqsijiet dwar is-sigurtà madwar l-Eks President Amerikan Donald Trump. Dan fost indikazzjonijiet li kien qed jitħejja attentat ieħor – it-tieni wieħed f’xahrejn – fuq ħajtu matul il-lejl tal-Ħadd. U, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-mistoqsijiet fuq fomm kulħadd anki qed jikkonċernaw is-sistemi tas-sigurtà madwar il-President Amerikan attwali, Joe Biden, u l-Viċi President tal-Istati Uniti, Kamala Harris, li f’Novembru se tikkuntesta kontra Trump għat-tmexxija tal-Istati Uniti.

L-aħħar inċident seħħ tard fil-lejl tal-Ħadd fil-Klabb Internazzjonali tal-Golf ta’ Donald Trump, f’West Palm Beach, viċin ir-residenza tal-Eks President u kandidat Repubblikan f’Mar-a-Lago, Florida.

Filwaqt li għadhom qed jidħlu dettalji dwar il-każ, hu magħruf li Donald Trump, fil-ħin tal-inċident, ittieħed minnufih lejn post aktar sikur – bl-aġenti tal-FBI (il-Bureau Federali), wara, jirreferu għall-każ bħala attentat ta’ assassinju.

Il-konferma ta’ dan għandha tfisser ‘it-tieni attentat’ dan is-sajf wara li Trump kien spiċċa l-mira ta’ assassin potenzjali meta hu kien qed jindirizza rally politiku f’Pennsylvania. Inċident li fih kien indarab ħafif minn balla sparata fid-direzzjoni tiegħu u fejn kienu mietu żewġ irġiel – l-aggressur u raġel li kien fost il-partitarji ta’ Trump.

L-ewwel rapporti – maż-żmien ikkonfermati – kienu li Trump ma ġralu xejn fl-inċident tal-Ħadd u bl-Eks President joħroġ stqarrija speċifika ‘live’ dwar il-fatt.

Fl-inċident tal-Ħadd, l-aggressur – identifikat bħala Ryan Wesley Routh – kien intlemaħ mill-aġenti sigrieti li kienu qed jissorveljaw il-korsa waqt li Trump kien qed jilgħab il-golf. Fil-ħin, u b’xorti tajba, l-aġenti raw il-kanna ta’ azzarin awtomatiku ħierġa mill-arbuxell fil-periferija tal-korsa u b’wieħed mill-aġenti mal-ewwel jikkonfronta lill-aggressur li ħarab minn fuq il-post.

L-aġenti l-oħra, imbagħad, fetħu n-nar fuq ir-raġel li ħalla l-azzarin warajh u saq ‘il hinn f’vettura. Ftit wara l-aġenti fl-inħawi sabu ‘scope’ għal mira preċiża flimkien ma’ camera GoPro u oġġetti oħrajn li kienu proprjetà tar-raġel.

Intant, l-assassin potenzjali nqabad mill-Pulizija waqt li hu kien qed isuq fi trip prinċipali u wara li hu qasam minn Martin County, mhux daqstant ‘il bogħod mill-korsa tal-golf ta’ Trump.

Għandu rekord kriminali…

Skont l-aħħar informazzjoni dwar Ryan Wesley Routh, dan ir-raġel kien imfisser minn uliedu bħala ‘missier dedikat’ u bl-awtoritajiet jikkonfermaw li hu għandu rekord kriminali għal sensiela ta’ reati li seħħew f’North Carolina bejn l-2002 u l-2010. Dan ir-raġel, fl-aħħar xhur, kien anki juża l-midja soċjali bil-ħsieb li jħeġġeġ lill-ġellieda barranin biex jivvjaġġaw lejn l-Ukrajna biex jikkumbattu kontra t-truppi Russi li invadew dan il-pajjiż.

Filwaqt li l-iskop wara s-suspettat attentat fuq Trump baqa’ mhux magħruf, l-FBI  qed tmexxi l-investigazzjonijiet bir-reqqa ‘u bir-riżorsi kollha’ u fejn qed tingħata l-appoġġ mingħand aġenziji oħrajn għall-infurzar tal-liġi.

Sadanittant, ftit wara l-inċident tal-Ħadd, il-President Biden u l-Viċi President Harris kienu infurmati dwar l-iżviluppi u fejn it-tnejn esprimew sodisfazzjon li Donald Trump ħareġ qawwi u sħiħ minn din id-drama.

Madankollu, qamet polemika kbira dwar is-sigurtà madwar il-personalitajiet politiċi fl-Istati Unti u meta numru ta’ deputati tal-Kungress f’Washington ilhom jgħidu li Donald Trump imissu jingħata l-istess livell ta’ protezzjoni daqs il-President fil-kariga.

Min-naħa tiegħu, il-Gvernatur ta’ Florida, Ron DeSantis, membru prominenti tal-Partit Repubblikan u eksrivali kbir ta’ Trump, qal li l-poplu ħaqqu jkun jaf il-verità dwar kif ‘raġel armat u b’intenzjonijiet ostili’ seta’ jasal daqshekk qrib tal-Eks President wara li rnexxielu jinfiltra l-proprjetà ta’ Trump innifsu.