Lokali

Il-festi tal-Indipendenza se jfakkru l-memorja ta’ Karl Gouder

Wara diskussjoni li saret mal-qraba ta’ Karl Gouder, fuq xewqa tagħhom, l-attivitajiet tal-Indipendenza se jkunu qed ikomplu minn nhar il-Erbgħa, b’kull attività se tfakkar il-memorja ta’ Karl Gouder.

F’konferenza għall-ġurnalisti, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino qal li dawn l-attivitajiet se jimxu kif pjanati ħlief għal xi fatturi fosthom tibdil fil-mużika, fost l-oħrajn.

Michael Piccinino qal li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista għandu l-obbligu li jkompli jaħdem favur Malta aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin kollha, kif kien qed jagħmel Karl Gouder stess.

Is-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv tal-Partit Nazzjonalista, Stefan Caruana, spjega kif l-attivitajiet se jkunu mifruxa fuq għadd ta’ ġranet, kemm qabel jum l-Indipendenza u anke fil-ġranet ta’ wara.

Fit-18 ta’ Settembru se ssir diskussjoni fi Pjazza Tritoni mmexija minn Louise Tedesco, bil-parteċipanti se jkunu Michael Galea, Joe Farrugia, Gorg Mallia, Marisa Xuereb u Daniel Vella Fondacaro.

Fid-19 ta’ Settembru se ssir intervista mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fejn il-ġurnalist tat-Times of Malta, Mark Laurence Zammit, se jkun qed jagħmel għadd ta’ mistoqsijiet.

L-għada, fl-20 ta’ Settembru se jsir il-mass meeting annwali indirizzat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista u mill-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione. Wara dawn l-attivitajiet se jkun hemm avvenimenti ta’ divertiment, fosthom attivitajiet sportivi li Karl Gouder tant kien iħobb.

Imbagħad, fit-22 ta’ Settembru se jsiru żewġ sparaturi, f’Ta’ Kandja u fir-range tal-Bidnija. U fit-23 ta’ Settembru tiġi tittella’ fid-Dar Ċentrali Rottarti fejn se jipparteċipaw 77 partiċipant, bl-esebizzjoni tal-arti tibqa’ miftuħa sas-6 ta’ Ottubru.

L-aħħar attività se tkun dik għall-anzjani fit-28 ta’ Settembru li tibda fid-9:30 am u li għaliha jattendi wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Dan apparti li se tiġi mnedija munita kommemorattiva fl-anniversarju tas-60 sena Malta Indipendenti.