Lokali

Il-Parlament taż-Żgħażagħ isellem il-memorja ta’ Karl Gouder

“Karl Gouder kien jieħu kull opportunità possibbli biex jimbotta liż-żgħażagħ ‘il quddiem, u dejjem ħadem b’rispett, integrità u kuraġġ.” Dan kien il-messaġġ li twassal it-Tnejn filgħodu waqt il-Parlament taż-Żgħażagħ bħala tislima lill-Eks Deputat Nazzjonalista u Chief Operating Officer ta’ Net Media, Karl Gouder.

F’diskors mill-aktar emozzjonanti, ix-Shadow Minister Bernice Bonello qalet li Karl dejjem ta servizz lill-poplu kollu u kien jgħin lil kulħadd.

Hija spjegat ukoll li ż-żgħażagħ kienu għal qalb Karl Gouder sa minn meta hu stess kien żagħżugħ hekk kif kien jagħmel parti minn numru ta’ għaqdiet studenteski. Dan apparti li matul ħajtu kompla jgħin lil dawn l-għaqdiet u kompla jagħtihom vuċi b’saħħitha f’pajjiżna.

Viżibbilment emozzjata, hija fissret kif Karl Gouder kien jagħtiha diversi pariri.

Minn naħa tiegħu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia sostna li Karl kien jaħdem sabiex ikun hawn l-għaqda, u li t-telfa tiegħu żgur li xxukkjat lil kulħadd. Huwa qal ukoll li Karl dejjem kien bi tbissima fuq wiċċu u dejjem kien jaħdem b’servizz lejn il-poplu kollu.

Waqt id-diskors tagħha, ix-Shadow Minister Graziella Attard Previ qalet li dan kien mument diffiċli ħafna però dak li bena Karl ma jistax jintilef.

Fil-bidu ta’ din is-seduta speċjali kien hemm mument ta’ silenzju għal memorja ta’ Karl Gouder. Dan apparti li l-Ministru Clifton Grima kif ukoll is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg, sellmu l-memorja ta’ Karl Gouder.

Intant, is-suġġett li ġie diskuss din is-sena waqt il-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ kien is-surrogacy, fejn ix-Shadow Minister Graziella Attard Previ saħqet li dan huwa suġġett delikat ħafna u li għandu jiġi diskuss b’reqqa kbira.

Apparti minn hekk, hija qalet li l-mara qatt m’għandha sservi bħala inkubatur għaliex fl-aħħar mill-aħħar l-omm li se tkun qed tagħti t-tarbija lil familja oħra xorta se tkun qed tgħaddi minn tqala. U allura, għalkemm l-intenzjoni wara s-surrogacy kapaċi tkun waħda tajba, għandhom isiru studji bis-serjetà.