Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ħarġet ordni lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà biex imexxi u jieħu passi kriminali kontra l-Kummissarju tal-Ġustizzja Alessandro Lia wara li ddikjarat li hemm biżżejjed provi li kien kompliċi f’każ ta’ frodi u dikjarazzjoni falza.
Dan kollu seħħ wara li laqgħet rikors ta’ ċertu Victor Sant, li jiġi missier il-Maġistrat Nadine Sant Lia u l-eks kunjatu tal-Avukat Lia. Dan talab lill-Qorti tordna lill-Kummissarju biex jieħu passi kriminali kontra Lia. Ir-rikors, kien ġie ppreżentat fil-25 ta’ Marzu li għadda, u kien jgħid li l-Qorti tista’ tordna lill-Pulizija tieħu passi kriminali kontra persuna speċifika wara li tkun semgħet il-provi quddiemha u ssib li hemm biżżejjed evidenza sabiex tagħti din l-ordni.
Sant allega li Alessandro Lia wettaq frodi u ffalsifika xi dokumenti meta ttrasferixxa l-karozza tiegħu lil raġel ieħor meta suppost din il-karozza kellha tiġi skreppjata. Sostna li kien esprima x-xewqa tiegħu quddiem bintu u r-raġel tagħha ta’ dak iż-żmien li kien Dr. Alessandro Lia.
Malli sema’ din, l-Avukat Lia allegatament qallu li seta’ joħodlu ħsieb dan il-proċess u b’hekk Sant tah il-logbook sabiex jagħmel dan. Meta Sant baqa’ ma sema’ xejn mingħand Lia, hu staqsieh x’sar mill-karozza u Lia allegatament wieġbu li ngħata biss €100 għaliha.
Kien f’dan il-mument li Sant beda jissuspetta ħażin f’Lia u eventwalment għamel kuntatt ma’ Transport Malta li qalulu li l-karozza ma ġietx skreppjata iżda nbiegħet lil raġel ieħor. Sabiex sar dan il-proċess, l-Avukat Lia kellu bżonn kopja tal-karta tal-identità ta’ Sant u l-firma tiegħu, xi ħaġa li qatt ma ġiet provduta. Dan filwaqt li Dr. Lia kellu kopja tal-karta tal-identità minħabba attività differenti fil-passat.
Filwaqt li l-Qorti kkunsidrat li l-Avukat Lia qatt ma għamel qligħ minn dan il-każ, xorta hemm evidenza li kien kompliċi fi frodi. Rigward l-allegazzjoni ta’ falsifikazzjoni, il-Qorti qalet li dan jista’ jiġi stabbilit biss meta tinfetaħ il-kawża kriminali kontra l-Avukat Lia.
Għaldaqstant, il-Maġistrat laqgħet ir-rikors ta’ Sant u ordnat li jittieħdu passi kriminali kontra l-Kummissarju tal-Ġustizzja Alessandro Lia.
L-avukati Franco Debono u Edward Gatt qed jirrappreżentaw lill-allegat vittma Sant.
//= $special ?>