“Is-settur tas-saħħa jeħtieġ ippjanar serju u fit-tul bil-għan li l-pazjenti jingħataw kura ta’ kwalità aħjar u effiċjenti.”
Dan kien il-messaġġ li twassal fi stqarrija mill-Assoċjazzjoni tat-Tobba tal-Familja, hekk kif il-budget 2025 jinsab biss ftit ġimgħat ‘il bogħod.
Fl-istqarrija, intqal li n-numru ta’ problemi li qed jaffaċċja s-settur tas-saħħa huma kaġun tan-nuqqas ta’ ppjanar f’dan il-qasam tant importanti għal pajjiżna. Dan apparti li spjegaw ukoll il-ħtieġa li jsir investiment b’saħħtu fil-kura primarja bil-għan li jonqsu l-persuni li jbatu mill-obeżità, kolesterol mhux ikkontrollat, it-tipjip kif ukoll il-vizzju tax-xorb.
L-Assoċjazzjoni spjegat li b’dan l-għan jonqsu n-nies li jkollhom attakk tal-qalb, stroke kif ukoll amputazzjoni kaġun ta’ dawn il-kundizzjonijiet.
Apparti minn hekk, fl-istqarrija l-Assoċjazzjoni tat-Tobba tal-Familja enfasizzat fuq il-bżonn li jkun hemm investiment fil-konfront tal-mard mentali bħall-ansjetà u d-depression – żewġ sitwazzjonijiet li jekk ikunu indirizatti titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-individwu.
Fl-istqarrija ntqal li hemm bżonn li s-servizzi differenti tas-saħħa jkunu kollha diġitilizzati kif ukoll li jkunu f’portal wieħed sabiex il-kwalità tal-kura li tingħata tkun aħjar u mingħajr dewmien.
L-Assoċjazzjoni tat-Tobba tal-Familja pproponiet sabiex it-testijiet tal-patoloġija u radjoloġija jkunu aċċessibbli għat-tobba tal-familja kollha kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat. Huma saħqu li din għandha tnaqqas id-dewmien kif ukoll ittejjeb l-esperjenza tal-pazjent.
//= $special ?>