Lokali

Jinġabru €527,096 waqt il-maratona ‘Il-Missjoni Bżonnok’

€527,096.

Din kienet is-somma finali li nġabret waqt il-maratona ‘Il-Missjoni Bżonnok’– flus li se jmorru għal dawk in-nies f’pajjiżi foqra li huma neqsin minn affarijiet neċessarji.

Il-maratona kienet mifruxa fuq tlett ijiem u ġiet fi tmiemha l-Ħadd f’nofsillejl.

Il-flus inġabru għal affarijiet varji; fosthom siġġijiet tar-roti kif ukoll saqqijiet sabiex dawn il-persuni f’pajjiżi fejn hemm il-missjunarji ikollhom ħajja kemxejn aktar dinjituża.

Matul il-maratona ntwerew diversi filmati ta’ gruppi ta’ Maltin li marru f’pajjiż tal-missjoni fejn għenu lil numru kbir ta’ tfal.

Dan hekk kif bid-donazzjonijiet tan-nies, il-missjunarji Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jsalvaw kemm jista’ jkun tfal mill-ġuħ u l-miżerja. Ġuħ li jispiċċa jwassal għal mard serju bil-konsegwenza li sena wara l-oħra numru kbir ta’ tfal żgħar jispiċċaw jitilfu ħajjithom.

Bħalissa l-Fondazzjoni U qed tgħin madwar 3,700 tifel u tifla li ġejjin minn pajjiżi varji fosthom il-Kenja, l-Etijopja, il-Gwatemala, il-Pakistan u l-Indja.

Dawn it-tfal, bil-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi, qed jingħataw l-ikel, il-kura medika neċessarja kif ukoll edukazzjoni bażika. U b’din is-somma sabiħa ħafna aktar tfal se jkunu jistgħu jgħixu ħajja aktar komda.

Intant, waqt din il-maratona, ingħatat ukoll tislima xierqa lill-Eks Deputat Nazzjonalista Karl Gouder li kien magħruf sew għas-sehem tiegħu f’inizjattivi bħal dawn.