Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati fil-konfront ta’ ħames eks kunsillieri u sindki, li fl-2010 kienu ġew akkużati li ffrodaw lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea. Dan wara li l-Avukat Ġenerali kienet appella mill-każ tliet snin ilu meta kienet ingħatat is-sentenza mill-ewwel Qorti.
Is-sentenza oriġinarjament fil-konfront ta’ sitt kunsilliera iżda wieħed mill-akkużati kien laħaq miet qabel ma ntemmu l-proċeduri. Il-persuni li ma nstab xejn fuqhom kienu Noel Formosa, Claudette Abela Baldacchino, Michael Cohen, Doris Borg, Joe Borg, li laħaq miet u Alessandro Oreste mill-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali.
Huma kienu akkużati li, f’Novembru tal-2010 u fix-xhur jew is-snin ta’ qabel, kienu ffrodaw lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Gvern Malti. Dak iż-żmien l-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-frodi, l-OLAF, kien qal li seta’ kien hemm xi irregolaritajiet mid-delegazzjoni Maltija fit-talbiet għal ħlas lura fuq biljetti tal-ivvjaġġar għas-snin 2004-2007 f’somma li tlaħħaq madwar €96,000.
Uffiċjali mill-OLAF, l-IAID (Internal Audit Investigating Department) u l-Pulizija marru fl-uffiċini tal-KD Travel, f’Tas-Sliema, responsabbli mill-ħruġ tal-biljetti, u f’uffiċini tal-AKL biex jinvestigaw. L-OLAF ippubblika rapport u għaddih lill-Avukat Ġenerali u lill-Pulizija.
Mill-istħarriġ irriżulta li kienu qed jinħarġu żewġ invoices ta’ vjaġġ wieħed, waħda miktuba bl-idejn u l-oħra ġġenerata mill-kompjuter, u din kien ikollha prezz baxx. Madankollu mill-provi li tressqu min-naħa tad-difiża, il-Maġistrat Josette Demicoli kienet ikkonkludiet li l-każ kien xeneġġjata u illiberat lill-akkużati fl-2021.
L-ewwel Qorti kienet qalet li mill-provi li tressqu rriżulta li huma ma għamlu ebda qligħ personali. “Dak li kien qed jiġri f’ħafna mill-każijiet kien li fl-invoice manwali kien qiegħed jintalab ammont li ma kienx l-ammont li jkun effettivament tħallas lill-aġenzija tal-ivvjaġġar. Id-differenza fil-prezz kienet tirrappreżenta spejjeż amministrattivi li fl-aħħar mill-aħħar kienu intitolati għalihom”.
Peress li l-Avukat Ġenerali kien appella mis-sentenza, il-każ kompla jkarkar tliet snin oħra, biex issa, il-Qorti tal-Appell irrifjutatu u kkonfemat is-sentenza tal-ewwel Qorti.
//= $special ?>