Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, ikkonfermat sentenza li kienet ingħatat f’Jannar li għadda mill-Maġistrat Rachel Montebello li fiha ma sabitx ħati lis-Surġent Francis Larry Sciberras ta’ 52 sena mill-Fgura, li kien jaħdem fit-taqsima tat-traffiku tal-Korp tal-Pulizija fuq abbuż b’rabta mal-extra duties tal-Pulizija.
L-AĠ kien appella mis-sentenza fejn Sciberras ma kienx instab ħati ta’ frodi u dikjarazzjonijiet foloz b’rabta mal-extra duties fuq il-kontrolli tat-traffiku li numru ta’ Pulizija kienu miftehma jagħmlu fuq numru ta’ proġetti infrastrutturali fl-2019.
Fis-sentenza tagħha l-ewwel Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, kienet illiberat ukoll lis-Surġent Matthew Azzopardi ta’ 47 sena minn Ħal Luqa. Anke hawn l-AĠ kien appella mid-deċiżjoni, b’dan il-każ iżda għadu qed jinstema’ mill-Qorti tal-Appell.
Huma kienu fost aktar minn 30 Pulizija li tressqu l-Qorti b’rabta ma’ allegati reati simili bil-każ jinstema’ minn għadd ta’ Maġistrati differenti. Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat li l-provi li ressqet il-Prosekuzzjoni fil-konfront ta’ Sciberras “huma fjakki wisq biex jikkonvinċu lill-Qorti” li l-imputat kien parti minn skema maħsuba biex tqarraq lill-Korp tal-Pulizija jew lill-klijent li jkun talab is-servizzi tal-Pulizija fuq bażi ta’ ‘extra duty’. Qalet ukoll li mhux ipprovata l-kompliċità bejn l-imputati u terzi biex iqarrqu.
Il-Qorti nnotat ukoll kif is-sistema tal-extra duty kienet titħallas mill-klijent lill-Korp, fosthom minn Transport Malta u Infrastructure Malta, imbagħad l-uffiċjal tal-Pulizija kien jitħallas għall-‘extra duty’ mill-Korp skont il-ftehim kollettiv.
Qalet li jekk xejn, jekk kien hemm min sofra xi dannu, kien il-klijent mhux il-Korp. Qalet li jekk il-klijent ħass li ma ngħatax is-servizz, kien iwaqqaf is-servizz u mhux jibqa’ jitolbu. Il-Qorti qalet ukoll li ma jirriżultax li kien hemm xi involviment fil-ħruġ tal-fatturi għall-ħlas tal-extra duty u li kien fihom dikjarazzjonijiet foloz jew tagħrif falz dwar il-ħinijiet ta’ ħidma ta’ ‘extra duty’.
Il-prosekuzzjoni ma ppruvatx il-każ
Meta qieset kollox, il-Qorti qalet li l-Prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-każ. Il-Pulizija kienu bdew jiġu investigati wara allegazzjonijiet li saru b’mod anonimu dwar serq ta’ fuel, skartar fuq il-post tax-xogħol, ‘towing’ ta’ dgħajjes fuq l-idejn u ħlas ta’ ‘protection money’. L-investigazzjoni ffokat b’mod ewlieni fuq allegat skartar fuq il-post tax-xogħol minn uffiċjali tal-Pulizija fis-Sezzjoni tat-Traffiku li kienu jiġu allokati ‘voluntary extra duty’.
Dan l-extra duty kien isir fuq talba ta’ Transport Malta fiż-żmien tal-proġett tal-bini tal-flyovers tal-Marsa u proġetti oħra li kienu qed jitwettqu minn Infrastructure Malta. It-teżi tal-Prosekuzzjoni dejjem kienet li għal diversi drabi l-Pulizija ma kinux ikunu fuq il-post tax-xogħol fejn kellhom ikunu stazzjonati.
Akkuża oħra kienet tgħid li kienu jaħdmu ‘extra duty’ waqt il-ħin tax-xift normali tax-xogħol u kienu jirċievu l-ħlas huma stess meta f’każijiet li l-extra duty jinħadem waqt ħin normali tax-xogħol, għax ma jkunx hemm biżżejjed pulizija.
Sciberras ma xehedx kif kellu dritt li jagħmel skont il-liġi, iżda ta stqarrija waqt l-interrogazzjoni li fiha qal kien jingħata struzzjonijiet ġodda biex imur jaqdi postijiet oħra fejn kienu qed isiru xogħlijiet minn Infrastructure Malta. Huwa kien qal li kien ikun bil-mutur f’postijiet differenti u li l-extra duty ma jfissirx li jrid jibqa’ l-ħin kollu f’post speċifiku.
Bħal sħabu, huwa dejjem ċaħad li qatt għamel xogħol ta’ ‘extra duty’ waqt il-ħin tax-xogħol tiegħu. Il-Qorti, fis-sentenza tagħha qalet li ma nġabitx prova li kien hemm xi komunikazzjoni u kuntatt bejn l-imputati u l-allegat moħħ wara din il-konfoffa ta’ kif ikun ġie assenjat jew ikun inħadem l-‘extra duty’ tiegħu.
Il-Qorti sostniet ukoll li kien hemm żgur wisq anqas xi prova li ngħataw xi struzzjonijiet biex ma jirrapportawx għax-xogħol, jaqdu doveri ta’ ‘extra duty’ waqt il-ħin normali tax-xogħol, jew jaqdu dmirijiet oħrajn mhux relatati mad-detail tal-‘extra duty’ allokat matul il-ħin tal-‘extra duty’.
Għal Sciberras deher l-Avukat Ludvic Caruana. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Lianne Bonello.
//= $special ?>