Kważi familja sħiħa tressqu l-Qorti fuq każ ta’ vjolenza domestika fejn koppja u binthom wieġbu mhux ħatja għal dawn l-akkużi. Li wassal għal dan allegtament kien argument fuq il-bejgħ tad-dar matrimonjali. Il-koppja għaddejja minn proċeduri ta’ separazzjoni.
Alan Grech ta’ 43 sena, li jaħdem bħala ġardinar, ġie akkużat li beżża’ lil martu li se tintuża’ vjolenza kontriha. Huwa kien akkużat ukoll li kkawża feriti ħfief fuq l-eks mara tiegħu u fuq binthom u li hedded lil bintu.
Michelle Grech, li taħdem bħala ‘helper’, kienet akkużata li beżżgħet lil żewġha li se tintuża l-vjolenza fuqu u li kkawżatlu feriti ħfief. Binthom, Kelsey Grech, ta’ 23 sena li taħdem bħala infermiera, kienet akkużata li kkawżat feriti fuq missierha u li heddidtu. Din hi waħda miż-żewġt ulied tal-koppja.
Fil-Qorti ġie spjegat li l-każ seħħ fit-12 ta’ Settembru għall-ħabta tas-6.30pm, meta t-tlieta li huma kienu fid-dar matrimonjali f’Ħaż-Żabbar u nqala’ argument dwar il-konvenju. Bdew it-tifla u l-missier b’argument verbali, imbagħad dan spiċċa f’wieħed fiżiku u ftit wara daħlet l-eks mara fil-ġlieda u bdew jagħtu fuq xulxin.
Skont il-prosekuzzjoni rriżulta wkoll li r-raġel kellu pouch, li l-mara ħaditlu u fih sabitlu trab abjad, allegatament droga kokaina. Il-basket ġie kkonsenjat lill-Pulizija tad-distrett u bħalissa għaddejja investigazzjoni separata.
Aktar tard, il-mara u t-tifla marru x-Xgħajra għand omm Michelle Grech, bir-raġel imur warajhom u baqgħu jargumentaw hemm. Il-Pulizija ssejħu fil-post iżda, sakemm waslu, ir-raġel laħaq telaq. Meta ġie arrestat, ir-raġel ta verżjoni differenti lill-Pulizija.
Huwa qal li t-tifla bdiet tinsulentah u toffendih, waqt li l-mara kissret vażun f’wiċċu. Huwa allega wkoll li l-eks mara tiegħu ħadet il-pouch li kellu u l-mowbajl tiegħu fih. Id-difiża ta’ Alan Grech talbet għall-ħelsien mill-arrest tiegħu, filwaqt li d-difiża ta’ Michelle u Kelsey Grech qalet li l-imputati mhux se jixhdu kontra xulxin.
Il-Prosekuzzjoni qalet li jekk huma jesprimu x-xewqa li ma jixhdux kontra xulxin, mhix se toġġezzjona għat-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Maġistrat Victor Axiak laqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordna li t-tliet akkużati jattendu għas-seduti fil-Qorti, li ma javviċinawx lil xulxin u li, jekk ikun hemm bżonn li jkellmu lil xulxin, jagħmlu dan permezz tal-avukati tagħhom.
Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-omm u l-bint kontra l-missier; u ordni ta’ protezzjoni favur il-missier kontra l-omm u l-bint.
//= $special ?>