Lokali

L-ammont ta’ barranin f’pajjiżna qabżu l-158,000 persuna

Ċifri maħruġa llum mill-NSO juru kif kważi terz tal-popolazzjoni ta’ pajjiżna issa hija magħmula minn barranin. Tant li l-ammont totali ta’ persuni barranin f’Malta u Għawdex is-sena li għaddiet kien jammonta għal 158,368.

F’temp ta’ sena, il-popolazzjoni ta’ barranin f’pajjiżna żdiedet b’aktar minn 15 fil-mija.

Fl-istess perijodu – bejn l-2022 u l-2023 – il-popolazzjoni tal-Maltin żdiedet biss b’0.1 fil-mija. U baqgħet fil-livell ta’ 405,000 persuna.

Interessanti l-fatt li skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika l-età medja tal-barranin li qed jaħdmu u jgħixu f’pajjiżna hi ta’ 32 sena. Dan meta l-età medja tal-Maltin hija ta’ 43 sena.