Internazzjonali

L-għargħar fl-Ewropa: Iċ-ċifra tal-vittmi mistennija titla’ fil-jiem li ġejjin

Fl-aħħar sigħat daħlu aktar rapporti dwar l-imwiet b’kaġun tal-maltemp straordinarju li laqat lill-pajjiżi ċentrali u lejn il-lvant tal-Ewropa fi tmiem il-ġimgħa. Dan waqt li l-awtoritajiet qed isibu dejjem aktar vittmi tal-għargħar fir-Repubblika Ċeka, il-Polonja, l-Awstrija u r-Rumanija.

Il-maltemp kien tal-agħar livell irreġistrat għal dawn iż-żmenijiet tas-sena u meta l-Ministeri għall-Emerġenzi rispettivi fadlilhom biex jikkonfermaw iċ-ċifra eżatta tal-vittmi li tilfu ħajjithom waqt l-elementi.

Fir-Repubblika Ċeka qed jinstabu vittmi mgħarrqin f’diversi zoni waqt li numru ta’ nies huma rappurtati nieqsa wara ġranet ta’ xita interminabbli.

Għalissa, hu magħruf li mietu tal-anqas erbgħa fil-Polonja u fejn il-kawża tal-imwiet għad trid tkun iddeterminata mill-awtoritajiet uffiċjali.

Fl-Awstrija, fl-aħħar sigħat, ħarġet il-konferma li mietu żewġ anzjani f’zona lejn il-grigal tal-pajjiż. Ingħad li anzjan minnhom, residenti fil-belt ta’ Hobersdorf, għereq waqt li kien qed jipprova jippompja l-ilma ‘l barra mill-appartament tiegħu li spiċċa mgħarraq waqt il-maltemp.

Fi tmiem il-ġimgħa kienu reġistrati tal-anqas għaxar imwiet dovuti għall-maltemp fil-Polonja, ir-Rumanija u l-Awstrija. Dan meta ċ-ċifra tal-vittmi tal-maltemp x’aktarx li tikber matul il-ġranet li ġejjin u waqt li għaddejjin it-tfittxijiet għan-nieqsa fost l-impenji ta’ emerġenza.

U għalkemm il-kundizzjonijiet tat-temp stabbilizzaw xi ftit f’xi reġjuni ċentrali tal-Ewropa hemm diversi partijiet oħra tal-kontinent li qed jistennew  inċidenzi ta’ maltemp sussegwenti – flimkien mal-kaos u perikli sinonimi ma’ dawn is-sitwazzjonijiet.

L-awtoritajiet fis-Slovakkja, sadanittant, huma inkwetati li l-livelli tal-għargħar fil-Kwartier l-Antiki ta’ Bratislava kapaċi jitilgħu aktar mid-disa’ metri li kienu stabbiliti sal-bieraħ. Dan minħabba li l-ilma mix-Xmara Danubju faqgħet l-art u fejn mistennija tavvanza aktar lejn iċ-ċentru tal-kapitali.

Fl-istess ħin, l-aħħar rapporti sostnew li l-akbar inżul tax-xita fl-aħħar jiem kien irreġistrat fir-Repubblika Ċeka minn fost il-pajjiżi kollha li ġarrbu l-impatt ta’ dan il-maltemp straordinarju.

Hu minnu wkoll li l-Prim Ministru tal-Ungerija, Viktor Orban, fl-aħħar sigħat kien kostrett li jħassar l-impenji kollha li kellu barra pajjiżu minħabba l-kundizzjonijiet estremi tat-temp u l-emerġenza tal-għargħar fl-ibliet Ungeriżi.