Maġistrat laqa’ t-talba tal-Avukat Jason Azzopardi għal inkjesta maġisterjali dwar allegat racket ta’ kanċellazzjoni ta’ multi operat minn uffiċjali tal-LESA. Dettalji dwar dak li l-Avukat Azzopardi jsostni huma li din kienet skema frawdolenti li ilha snin li tinvolvi l-aġenzija pubblika. B’dawk involuti jkunu l-ogħla uffiċjali tagħha u l-kumpaniji privati tal-kiri tal-karozzi, fejn dawn ġew żvelati għall-ewwel darba f’rikors ġuramentat lill-maġistrat ix-xahar li għadda.
L-avukat Azzopardi sostna li mijiet ta’ turisti spiċċaw vittmi ta’multi tat-traffiku għal kontravenzjonijiet li saru minn sewwieqa lokali li wkoll ġew meħlusa minn punti ta’ penali. L-avukat sostna wkoll li dan ir-racket, li matul is-snin ġie rfinat biex jiffunzjona bi “preċiżjoni ta’ arloġġ Żvizzeru,” fisser li miljuni ta’ ewro ġew mgħoddija lejn bwiet privati aktar milli lejn il-kaxxa tal-Istat.
Azzopardi elenka 13-il reat kriminali li fuq il-bażi tagħhom l-ogħla uffiċjali tal-LESA, jiġifieri l-Kap Eżekuttiv Svetlick Flores u l-uffiċjal tal-customer care Neville Camilleri, kellhom jiġu investigati u mħarrka kriminalment.
Huwa sostna li wieħed mill-benefiċjarji ewlenin tal-iskema kien WT Global, li topera l-akbar flotta tat-taxis bil- Y-Plate f’Malta. Kemm Flores kif ukoll Camilleri ressqu risposti separati għall-applikazzjoni ta’ Azzopardi, u ċaħdu bil-qawwa l-allegazzjonijiet u ddikjaraw li huma lesti jikkooperaw bis-sħiħ fl-investigazzjonijiet relattivi.
LESA, l-Aġenzija tas-Sistema tal-Infurzar Lokali, hija responsabbli biex timponi multi għal kontravenzjonijiet tat-traffiku bħal parkeġġ doppju, veloċità qawwija jew sewqan ħażin. Tnaqqas ukoll punti ta’ penali mil-liċenzji ta’ dawk li jiksru l-liġi.
L-Avukat Jason Azzopardi qed jallega li f’ċerti każi, kontraventuri speċifiċi li kisru r-regoli tat-traffiku ġew megħjuna jevitaw multi u tnaqqis ta’ punti ta’ penali mill-Kap Eżekuttiv tal-LESA Svetlik Flores u l-uffiċjal tal-customer care Neville Camilleri.
Camilleri huwa wkoll kunsillier Laburista fil-lokalità ta’ Raħal Ġdid. Permezz tal-aċċess privileġġjat kien hemm aċċess għas-servers tal-aġenzija, dawn iż-żewġ uffiċjali allegatament manipulaw data biex jittrasferixxu multi u punti ta’ penali fuq turisti li nzertaw kienu qed isuqu karozzi tal-kiri dakinhar.
Skont dak li qed jallega, Azzopardi jsostni li l-LESA kellha aċċess għal ftehimiet ta’ kiri ta’ karozzi ffirmati bejn it-turisti u d-ditti tal-kiri. Il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici, f’digriet li ta qal li Azzopardi kien issodisfa l-prerekwiżiti kollha biex issir inkjesta.
Għal din ir-raġuni, il-maġistrat ordna li l-atti tal-kawża jintbagħtu lir-Reġistratur tal-Qorti Kriminali bil-għan li jintgħażel il-maġistrat li se jieħu ħsieb l-inkjesta.
L-Avukat Azzopardi ħabbar id-deċiżjoni fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, fejn talab lil kull min għandu informazzjoni biex ikellem lill-maġistrat inkwirenti.
//= $special ?>