Lokali

Proġett Malti jagħmilha għall-finali tal-premjijiet REGIOSTARS 2024 fi Brussell

Proġett Malti bl-isem ta’ Bythos huwa fost il-25 finalisti tal-kompetizzjoni REGIOSTARS 2024.

Din il-kompetizzjoni tippremja lil dawk il-proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea li juru l-impatt u l-inklużività tal-iżvilupp reġjonali. Il-finalisti ġew magħżula minn ġurija fuq numru rekord ta’ 262 applikazzjoni, li tirrifletti l-livell għoli ta’ innovazzjoni u eċċellenza fil-proġetti tal-Politika ta’ Koeżjoni madwar l-Ewropa.

Il-proġett Bythos, li sar b’ħidma konġunta bejn sitt imsieħba Maltin u Sqallin, jindirizza l-kwistjoni tar-rimi tal-iskart organiku mill-ipproċessar tal-ħut u l-iskart fl-industrija tal-ospitalità bil-għan li jinħoloq valur ekonomiku permezz ta’ proċessi virtużi ta’ riċiklaġġ u użu mill-ġdid.

Dan il-proġett jitratta l-iskart tal-ħut li se jintuża’ biex jinħoloq għalf tal-ħut eko-innovattiv, u b’hekk titnaqqas id-dipendenza tas-settur tal-akkwakultura Malti u Sqalli fuq xiri minn fornituri barranin.

Ir-rebbieħ tal-votazzjoni se jitħabbar matul it-22 edizzjoni tal-European Week of Regions and Cities fiċ-ċerimonja tal-premjijiet REGIOSTARS, li se ssir fid-9 ta’ Ottubru, f’Autoworld, Brussell.