Għal bosta persuni l-perjodu li fih faqgħet il-pandemija tal-Covid-19 kien perjodu ikrah u ta’ solitudni.
Però, għall-fotografu Martin Agius dan iż-żmien li fih ħafna nies kellhom ħafna ħin ma jagħmlu xejn, serva ta’ ispirazzjoni – tant li f’dan il-perjodu rnexxilu joħloq 20 proġett uniku.

Bħalissa fil-Mużew ta’ Wignacourt qed issir esebizzjoni ta’ 20 ritratt bit-teknika double exposure, xogħol tal-fotografu Martin Agius.

Ma’ Net News, Martin Agius spjega li din il-kollezzjoni, hija proġett li ilu jaħdem fuqu madwar erba’ snin proprju meta faqqgħet il-pandemija tal-Covid – tant li fi wħud mir-ritratti jidhru fihom persuni lebsin il-maskra.

Street photography, huwa ġeneru ta’ fotografija fejn il-fotografu jieħu ritratti ta’ persuni jew affarijiet li jkunu qed jiġru fit-toroq fil-ħajja ta’ kuljum. Ritratti fejn is-suġġett ħafna drabi ma jkunx jaf li qiegħed jitteħidlu ritratt.
Agius spjega kif kull proġett jinkludi żewġ ritratti, li jkunu amalgamati flimkien; teknika li tirrikjedi ħafna attenzjoni.

Inizjalment, Martin Agius beda jgħaqqad ritratt minn Malta flimkien ma’ ritratt minn Londra, però eventwalment inkluda wkoll ritratti minn numru ta’ bliet fl-Italja u anka Valencia.
Martin Agius, li minn ta’ età żgħira wera interess fil-fotografija, spjega wkoll li din is-sena għandu l-intenzjoni li jżur pajjiżi oħra bit-tama li dawn l-esperjenzi jkomplu jkabbru l-għarfien artistiku tiegħu.
Din l-essebizzjoni li hija l-ħames waħda ta’ Martin Agius, se tkun miftuħa għal pubbliku sa nhar il-Ħadd 29 ta’ Settembru kuljum mid-9:30 ta’ filgħodu sal-5 ta’ filgħaxija. Kull ritratt huwa wkoll għall-bejgħ, però jistgħu jinxtraw biss 10 kopji biss minn kull wieħed.
//= $special ?>