Il-ġuri ta’ Rio Micallef ta’ 41 sena mill-Marsa, David Tabone ta’ 40 sena minn Naxxar u Darren James Vella ta’ 34 sena minn Birkirkara li kollox kien lest biex jibdew għaddejjin ġuri fuq traffikar ta’ kważi 2,000 pillola ecstacy quddiem l-Imħallef Edwina Grima, spiċċa xolt u issa se jkollu jsir fil-futur.
Wara ħafna battibekki d-difiża talbu lill-Imħallef Edwina Grima x-xoljiment tal-ġuri għaliex qabel ma ġiet komposta l-ġurija, wieħed mill-ġurati supplenti kien preżenti fl-awla, waqt li kienu qed issiru xi korrezzjonjiet fl-att tal-akkuża.
Il-prosekuzzjoni talbu li l-Qorti tistabblixxi l-verità dwar din l-allegazzjoni. Il-Qorti ordnat lid-Deputat Reġistratur titkellem mal-ġurat innifsu u tistaqsih jekk kienx sema s-sottomissjonjiet filwaqt li talbet li tara l-filmat mill-cameras tas-sigurtà tal-awla.
Waqt dan il-proċess, ġew imneħħija partijiet li kienu marbuta ma’ stqarrijiet verbali li għamel l-akkużat Darren James Vella mal-Pulizija u li l-Qorti tal-Appell Kriminali kienet iddikjarat bħala prova inammessibbli. Xehdet id-Deputat Reġistratur tal-Qorti u qalet li tkellmet mal-ġurat innifsu u kkonferma li kien fl-awla iżda ma tax kas tal-kliem li beda jingħad għaliex beda jilgħab ‘video game’.
Qal li meta nduna li l-Imħallef Grima se tibda tgħajjat lill-ġurati, huwa ħareġ ‘il barra mill-Awla. Il-Qorti qalet li kienet se teżenta lil ġurat minn dmirijietu u se tisimgħu jixhed dwar dak li ntqal minnu mal-bqija tal-ġurati. Jekk il-Qorti jidhrilha li l-ġurat qed jgħid il-verità, se tkompli bil-ġuri, din id-darba b’żewġ ġurati biss supplenti.
Id-difiża ma qablitx ma’ din id-deċiżjoni u argumentat li jekk il-ġurat veru ma kienx attent għal dak li kien qed jingħad minħabba li kien qed jilgħab fuq il-mobile, ma kienx jinduna wkoll li l-Imħallef Grima qed tgħajjat lil ġurati u allura kien imissu joħrog mill-awla għal dan il-proċess.
L-Imħallef Grima daħlet ġewwa biex tiddeċiedi l-każ u hekk kif ħarġet iddeċidiet li xxolji l-ġuri. Wara d-difiża talbet lill-Qorti biex sakemm isir il-proċess l-akkużati jibqgħu bil-libertà proviżorja, talba li ġiet milqugħa mill-Qorti.
Traffikar li allegatament seħħ 16-il sena ilu
Dan it-traffikar allegatament seħħ 16-il sena ilu, fil-15 ta’ Settembru 2008 meta l-akkużati kienu għadhom żgħażagħ. Huma qegħdin jiġu akkużati b’ħames Kapi ta’ akkuża, traffikar u pusses aggravat ta’ ecstacy u ammont ta’ kokaina, pussess u oġġetti relatati ma’ traffikar tad-droga, u li ma kellhomx permess ibigħu dawn il-pilloli.
Mill-investigazzjoni li għamlet il-Pulizija ħareġ li l-akkużati kienu jafu lil xulxin u kienu jiffrekwentaw l-inħawi ta’ Birkirkara, u b’mod partikolari fejn l-akkużat Rio Micallef kien imexxi snack bar bl-isem ta’ “Rio’s Bar”. Huma kienu jikkomunikaw ma’ xulxin ukoll permezz tal-mobile phones. Rio Micallef kien juża tliet mobiles filwaqt li David Tabone u Darren James Vella kienu jużaw mobile kull wieħed.
L-akkużati kienu qablu li bejniethom li kellu jsir negozju tad-droga ecstasy sabiex din id-droga tkun tista’ tiġi traffikata f’Malta u dan billi Rio Micallef kellu jipprovdi kwantità ta’ droga ecstasy f’ammont ta’ madwar 1,940 pillola sabiex dawn jiġu kkonsenjati lil David Tabone u lil Darren James Vella, li minn naħa tagħhom kellhom ibigħu dawn il-pilloli lil terzi persuni.
L-akkużati qablu li għal dawn il-pilloli, Rio Micallef kellu jitħallas mingħand David Tabone l-ammont ta’ €9,330 imma fis-suq dak iż-żmien kienet iġġib id-doppju ta’ dan il-prezz. Il-konsenja ta’ din id-droga kellha ssir minn Rio Micallef liż-żewġ akkużati l-oħra – f’garage li kien juża Darren James Vella f’Birkirkara u li tiegħu kellu ċ-ċavetta.
Minn hemmhekk imbagħad din il-konsenja tad-droga ecstasy ladarba tkun għaddiet mingħand Rio Micallef lil David Tabone u Darren James Vella, dawn kellhom ibigħuha fi kwantitajiet konsiderevoli lil terzi persuni u dan ukoll kif jirriżulta wkoll minn diversi messaġġi (sms) li kienu jirċievu fuq il-mobile phones tagħhom, bi qligħ ta’ flus enormi għalihom.
L-AĠ fl-akkużi li pprepra qal li l-irġiel ma kenux liċenzjati skont il-liġi biex ibigħu jew jitraffikaw fil-mediċina ristretta u psikotropika MDMA f’Malta. Fil-fatt fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-ftehim milħuq minn qabel, nhar tal-15 ta’ Settembru 2008 l-akkużati kkomunikaw ma’ xulxin, fuq il-mobile phones rispettivi tagħhom sabiex dakinhar stess għall-ħabta tas-7pm ikun jista’ jsir dan in-negozju tad-droga ecstasy.
Maħsuda mill-Pulizija li kienu qed isegwuwhom
Biss, dak il-ħin l-akkużati ftit kellhom idea li l-Pulizija kienet qegħda ssegwi l-passi tagħhom. Fil-fatt fil-15 ta’ Settembru 2008 għall-ħabta tas-6:45pm, diversi uffiċjali tal-Pulizija mit-Taqsima ta’ Kontra d-Drogi fosthom is-Surġenti Johann Micallef, u Antoine Micallef, flimkien mal-kuntistabbli Alan Cutajar, Carmen Gauci u Trevor Cassar Mallia kienu jinsabu fl-inħawi ta’ Birkirkara josservaw il-movimenti tal-akkużati.
Dawn innotaw li David Tabone kien ħareġ mir-residenza tiegħu u beda jsuq karozza Volkswagen Passat bajda fejn ftit ħin wara, waqaf viċin Mc Donald’s f’Birkirkara fejn kien hemm Darren James Vella jistennieh. David Tabone waqqaf il-karozza u rikkeb lil Darren James Vella u t-tnejn li huma rħewla lejn id-direzzjoni ta’ fejn kien hemm ħanut jismu “Butterfly Bar” f’Birkirkara, liema bar jinsab fil-viċinanzi tal-isnack bar immexxi mill-akkużat Rio Micallef.
Hemmhekk wara li stennew ftit, tfaċċa Rio Micallef li kien qed isuq karozza Volkswagen Golf bajda. Dawn iż-żewġ vetturi saqu u rħewla wara xulxin lejn id-direzzjoni tat-Triq il-Knisja l-Qadima, f’Birkirkara, u ġibdu lejn wesgħa li tiżbokka wkoll minn Triq F. Zahra, f’Birkirkara.
Meta waslu fi Triq il-Knisja l-Qadima, f’Birkirkara, ipparkjaw il-karozzi rispettivi tagħhom viċin tal-entratura komuni għal garages li hemm fi Triq il-Knisja l-Qadima, iżda ftit ‘il bogħod minn xulxin. David Tabone u Darren James Vella niżlu mill-karozza misjuqa minn David Tabone u resqu fl-entratura tal-garages. Dak il-ħin, David Tabone kien qiegħed iġorr basket iswed.
Rio Micallef niżel mill-vettura tiegħu u rħiela lejn id-direzzjoni tal-entratura tal-garages. Fost dawn il-garages, hemm il-garage li kienet tużah omm l-akkużat Darren James Vella u li tiegħu dan l-akkużat kellu ċ-ċavetta, li iżda fil-ħin li kien qed jiġi arrestat ma kenetx fuq il-persuna tiegħu iżda nstabet ftit ħin wara taħt van Fiat – kulur oranġjo bl-abjad. Fiat li kienet ipparkjata viċin ħafna ta’ din l-entratura quddiem residenza biswit din l-entratura.
Hekk kif Rio Micallef kien riesaq lejn l-entratura tal-garages hu għadda minn quddiem dan il-van Fiat. F’dak il-mument, Rio Micallef intebah li kien hemm il-Puliżija, tbaxxa quddiem il-van u ħarab jiġri mill-post. Huwa ġie mwissi biex jieqaf mill-Pulizija li kienu fuq il-post u fil-fatt wara li xi uffiċjali tal-Pulizija ġrew warajh hu ġie arrestat ftit bogħod minn fejn kien deher jitbaxxa.
Pulizija oħra li kienu f’dik il-parti tat-triq marru wkoll fuq David Tabone u Darren James Vella u dawn ġew arrestati. Fil-fatt David Tabone nstab li kien qiegħed iġorr basket iswed li fih kien hemm €9,330 fi flus kontanti kif ukoll miżien elettroniku.
Fil-fatt minn stħarriġ li sar wara minn espert maħtur mill-Qorti, irriżulta li fuq dan il-miżien kien hemm traċċi tad-droga ecstasy kif ukoll tad-droga kokaina. Apparti minn hekk, mill-post fejn Rio Micallef deher jitbaxxa u ċioè minn quddiem il-van Fiat bejn taħt il-bumber tal-van u l-bankina, il-Pulizija elevat basket tal-plastik żgħir abjad u ftit ‘il bogħod mill-basket.
Aktar ‘il ġewwa taħt il-van Fiat, sabet ukoll żewġt iċwievet b’keychain safra, li wara rriżulta lil Pulizija li waħda minnhom kienet ċavetta tal-garage li kien juża Darren James Vella (peress li aktar tard il-Pulizija fetħu dan il-garage b’din iċ-ċavetta.
Ma jistgħux jinqraw l-istqarrijiet tagħhom lill-ġurati
F’dan il-basket l-abjad li nstab taħt il-bumber tal-van Fiat, il-Pulizija sabet maħżuna f’żewġ boroż tal-plastik b’għadd ta’ pilloli bojod li wara li dawn ġew mgħoddija lill-espert maħtur mill-Qorti għall-analiżi tiegħu. Irriżulta li dawn kienu pilloli tal-MDMA (ċioè droga ecstasy) f’ammont ta’ 1,940 fejn fis-suq miftuħ dak iż-żmien kienu jġibu l-prezz ta’ €18,624.
Sadanittant, l-Avukat Ġenerali ma jistax jaqra lill-ġurati, stqarrijiet magħmula mit-tliet irġiel akkużati bi traffikar ta’ droga minħabba li dawn ingħataw mingħajr assistenza legali u dan wara li kienet ingħatat deċiżjoni mill-Qorti, liema deċiżjoni kienet ikkonfermata fl-appell.
It-talba tal-AĠ biex ikunu jistgħu jużaw l-istqarrijiet tagħhom kienet ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Appell f’April tal-2019, ippreseduta mill-Prim Imħallef Joseph Zammit McKeon u l-imħallfin Abigail Lofaro u Giovanni Grixti.
L-imħallfin kienu kkonfermaw id-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali, li kienet iddeċidiet li l-istqarrijiet mogħtija lilll-Pulizija mogħtija mill-akkużati ma jistgħux jiġu esebiti lill-ġurati peress li l-irġiel ma kinux assistiti minn avukat waqt l-interrogazzjoni tagħhom.
Micallef waħdu huwa akkużat ukoll li kellu fil-pussess tiegħu l-ecstasy u li sar reċidiv, u Tabone huwa akkużat li kien ukoll fil-pussess tad-droga kokaina. Vella waħdu huwa akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza sospiża.
Micallef, Tabone u Vella qed jiċħdu l-akkużi kollha kontrihom.
L-Avukati Franco Debono u Josè Herrera qed jidhru għal Rio Micallef, l-avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri huma l-avukati difensuri ta’ David Tabone. Darren James Vella qed ikun rappreżentat mill-avukati Michael Sciriha u Matthew Vella. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta, Danica Vella u Godwin Cini.
//= $special ?>