Lokali

“Bżonn ta’ aktar għarfien fuq il-ħsara li tagħmel id-droga” – Bernard Grech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għamel żjara fiċ-ċentru tal-Caritas f’Tal-Ibwar li joffri kura għal adolexxenti li nħakmu mill-vizzju tad-droga jew tal-alkoħol.

Matul din iż-żjara l-ħaddiema tal-Caritas spjegaw li hawn numru sostanzjali ta’ adolexxenti saħansitra mill-età ta’ 12-il sena li jinħakmu mill-vizzju tad-droga jew tal-alkoħol; b’dan iċ-ċentru joffri programm adattat sabiex wieħed ikun jista’ jgħix ħajja sana ħielsa mill-vizzji.

F’kummenti ma’ Net News, Bernard Grech sostna li f’dan iċ-ċentru qed isir xogħol kbir, filwaqt li saħaq li jeħtieġ li jkompli jingħata għarfien dwar il-ħsara li tagħmel id-droga.

Apparti minn hekk, Bernard Grech qal li fi proġetti u programmi bħal dawn toħroġ aktar l-importanza ta’ politika li ssir b’mod għaqli u għall-ġid ta’ kulħadd.

F’diskussjoni li kellu mal-impjegati u l-uffiċjali tal-Caritas, huma tkellmu ma’ Bernard Grech dwar uħud mill-każijiet li kellhom f’dan iċ-ċentru fejn spjegaw li huma biss kwart tal-adolexxenti li jiġu minn jheddhom għall-kura; bil-kumplament iġibuhom il-membri tal-familja. Dan apparti li rrakkuntaw każ partikolari fejn individwu spiċċa mexa mill-MCAST sa Tal-Ibwar biex ifittex l-għajnuna minn jheddu – storja li żgur ħalliet impatt fuq dawk preżenti.

Spjegaw ukoll li f’dan iċ-ċentru joffru programmi differenti; fosthom servizzi residenzjali. U għalhekk dan ifisser li wħud mill-adolexxenti jgħixu hemmhekk u jagħtu kontribut fl-affarijiet li jridu jsiru bħal tisjir u tindif. Dan apparti li jkomplu bit-tagħlim tagħhom u jinkoraġġuhom ikunu aktar attivi.

Preżentament hemm sitt żgħażagħ li qed jibbenefikaw minn dan is-servizz residenzjali, filwaqt li hemm 37 persuna li qed jieħdu servizz ta’ terapija flimkien mal-familja u 47 persuna oħra li qed jattendu għal sessjonijiet ta’ terapija.

Għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Bernice Bonello u Graziella Galea.