Christian Borg u l-kumpaniji tiegħu kienu talbu rifużjonijiet tal-VAT fuq invoices li nħarġu fi żmien meta waħda mill-persuni msemmija li kienet ħarġithom kienet, il-ħabs. Din kienet biss waħda minn numru ta’ diskrepanzi kbar ta’ miljuni ta’ ewro li nstabu waqt investigazzjoni dwar frodi tat-taxxa fuq Borg, kif ukoll fuq numru ta’ kumpaniji u sħabu.
Il-Pulizija sabet ukoll invoices suspettuzi, indirizzati lill-persuna li kienet qed tagħmel xi xogħol ta’ tiswijiet fuq il-karozzi tal-kiri tal-kumpanija ta’ Borg. L-istess persuna allegatament kienet tħallset madwar €636,000, inkluż waqt li kien qed iservi sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u ma setgħux jipprovdu s-servizzi mitluba.
Il-Maġistrat Leonard Caruana sema’ din ix-xhieda hekk kif it-Tlieta bdiet il-kumpilazzjoni tal-provi kontra Christian Borg, li huwa ħabib tal-Prim Ministru Robert Abela, it-tfajla tiegħu Monique Mizzi, u d-direttur tal-kumpanija Joe Camenzuli, li għamel żmien bħala l-fotografu tal-Partit Laburista u tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat.
L-akkużati huma mixlija li flimkien ma’ numru ta’ kumpaniji, iffrodaw “il-miljuni” f’VAT u taxxi oħra. Wara li l-Qorti semgħet din ix-xhieda ddikjarat li jeżistu biżżejjed provi biex l-imputati jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża.
Il-koppja huma akkużati flimkien mal-kumpaniji Princess Construction Ltd, Princess Holdings Ltd, Princess Operations Ltd, Zing Rental Ltd, No Deposit Cars Ltd u Lion Funding Ltd. Borg ta’ 31 sena u Mizzi ta’ 26 sena jinsabu akkużati b’ħasil ta’ flus u b’konfoffa kriminali. Fl-iżbarra kien hemm ukoll Joseph Camenzuli, f’rappreżentanza tal-kumpaniji akkużati.
L-Ispettur Robert Azzopardi mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni tar-Reati Finanzjarji tal-Pulizija, xehed fit-tul dwar l-investigazzjoni fuq diversi aspetti dwar l-evażjoni tat-taxxa, frodi tal-VAT, kif ukoll ħasil ta’ flus. Fuq l-evażjoni tat-taxxa, il-Pulizija kienet ġiet avżata li Borg kien qed jevadi t-taxxa b’mod lampanti u għalhekk kienu ġabru informazzjoni minn diversi banek u dipartimenti tal-gvern, li mbagħad għaddew lill-Amministrazzjoni Maltija tat-Taxxa u Dwana (li qabel kienet magħrufa bħala l-Kummissarju tat-Taxxi Nterni.
Mill-investigazzjoni tal-Pulizija ħareġ li Borg kellu wkoll interessi kummerċjali u kontijiet bankarji barra minn Malta, fir-Renju Unit, il-Ġermanja u Ċipru, kif ukoll kien midħla ta’ ‘cryptocurrency’ fil-British Virgin Islands u Ċipru.
Wara li l-Pulizija kisbet informazzjoni mill-Ġermanja u Ċipru, saru tfittxijiet fix-showroom ta’ No Deposit Cars’ f’Ħal Qormi u fl-uffiċċju prinċipali u fl-uffiċċji fl-Ajruport, fil-flat ta’ Borg fis-Swieqi, proprjetajiet f’Ħal Tarxien u f’Birkirkara. Il-fajls maqbuda waqt ir-rejds tal-Pulizija ġew mgħoddija lill-MTCA biex ikunu jistgħu jieħdu l-istampa sħiħa, qal l-ispettur.
Il-Pulizija kienet tkellmet mal-awdituri ta’ Borg, Nathaniel Borg u Roderick Galea, li spjegaw li huma qalu li r-relazzjoni professjonali tagħhom ma’ Borg kienet bdiet fl-2021 u li meta bdew iħarsu lejn il-fajls tiegħu, sabu diskrepanzi sostanzjali bejn id-dħul iddikjarat u d-dħul attwali, u assi.
€4.7 miljun mhux dikjarati
Huma kienu talbu lil Borg biex isolvi l-kwistjoni qabel ma jieħdu l-brief, għalhekk Borg kien bagħatilhom volum ta’ dokumenti, l-aktar fatturi għall-kiri tal-karozzi matul is-snin biex ikunu jistgħu jikkalkulaw id-dħul u jħallsu t-taxxa.
Mill-2015 ‘l hawn, iċ-ċifra tad-dħul totali mhux iddikjarat kienet ta’ €4.7 miljun, qal l-ispettur, li esebixxa kopja diġitali tad-data tal-awditjar fil-Qorti. L-inkjesti tal-Pulizija mal-kontropartijiet tagħhom barra minn xtutna żvelaw ukoll li Borg kien xtara jott ta’ €710,000 fir-Renju Unit, fejn tliet kumpaniji oħra kienu rreġistrati f’isem Borg.
It-tieni punt tal-investigazzjoni kien dwar il-frodi tal-VAT. Id-dipartiment tal-VAT issuspetta li Borg qed jitlob rifużjoni tal-VAT għal spejjeż li jew ġew minfuħa jew iffabbrikati għal kollox, qal ix-xhud. It-talbiet saru fuq xogħlijiet ta’ tiswijiet u sprej għall-karozzi u għal xogħlijiet ta’ rinnovament fi proprjetajiet li Borg jew il-kumpaniji kienu xtraw jew mikrija.
Id-dipartiment tal-VAT innota li l-invoices kollha tat-tiswija tal-vetturi kienu kollha nħarġu mill-istess fornitur, il-mekkanik Anthony Balzan. L-ispettur qal lill-Qorti li minn analiżi tal-fatturi ta’ Balzan irriżulta li xi wħud minnhom inħarġu fi żmien meta Balzan, fil-fatt, kien il-ħabs, u għalhekk ma setax jipprovdi s-servizzi mitluba.
Barra minn hekk, kumpanija waħda – Stronghold Construction Ltd – kienet b’xi mod ħarġet erba’ rċevuti tal-VAT qabel saħansitra ngħatat numru tal-VAT. L-ebda vettura jew tagħmir ma kienu rreġistrati mal-kumpaniji, kompla l-ispettur.
“Stronghold kellu biss żewġ impjegati u fi żmien meta n-negozju tiegħu jidher li kien qed jiffjorixxi, Balzan kellu impjegat wieħed biss u li, r-records ta’ jobsplus juru li kien ingħata s-sensja minħabba nuqqas ta’ negozju.” Xi wħud mill-kumpaniji ma kellhom l-ebda impjegat.
Il-€1 miljun fi spejjeż li kienu ġew iddikjarati minn Borg u l-kumpaniji tiegħu għall-finijiet ta’ rifużjonijiet tal-VAT, jimplikaw li Stronghold kellu juri mill-inqas €1 miljun fi dħul iddikjarat, iżda fil-Qorti ntqal li dan ma kienx il-każ.
Il-Qorti semgħet ukoll li Borg u l-kumpaniji tiegħu kienu saħansitra talbu r-rifużjoni tal-VAT fuq xogħlijiet simultanji, iżda esklużivi reċiprokament, bħal xogħlijiet ta’ tħaffir u kostruzzjoni fl-istess sit. L-Ispettur Azzopardi xehed li fatturi li kienu nħarġu mill-mekkanik Anthony Balzan kienu qajmu suspetti minħabba d-deskrizzjoni ġenerika u ripetittiva tagħhom u l-fatt li speċifikaw dati li kienu “tant qrib xulxin li kien impossibbli li x-xogħol ikun sar f’dak iż-żmien.”
Xi fatturi ma kellhomx anke n-numru tal-pjanċa tal-vettura allegatament dwar xi service li seta’ sar fuqha. B’rabta mal-applikazzjoni tiegħu ta’ ppjanar għal ‘car wash’ taħt l-art, Borg kien talab €80,000 għal bibien tal-garaxxijiet, “meta ma kien hemm ebda garaxx hemmhekk,” qal l-ispettur.
Huwa kompla jelenka talbiet fittizji oħra: VAT mitluba fuq air-conditioning units li ma kinux hemm u fuq għamara simili li kienet waħda fantażma. Il-‘car wash’ ta’ Ħal Luqa rriżulta li kien “litteralment biss bitħa, uffiċċju żgħir u toilet u tinda fuq wara biex jinħaslu l-karozzi” u ma kinitx tirrifletti x-xogħol ta’ kostruzzjoni deskritt fil-fatturi. “Iktar ma daħal fil-fond id-dipartiment tal-VAT, sab diskrepanzi,” qal.
L-Ispettur qal ukoll li fuq xogħol ta’ kostruzzjoni id-dipartiment tal-VAT beda jitlob anke firem minn periti. Dawn il-periti kienu mitkellma u kien hemm minnhom li qalu li kienu ħarġu xi żewġ invoices, imma mhux l-ammont li kien ingħata għar-rifużjoni lid-dipartiment tal-VAT.
Il-kumpilazzjoni tal-evidenza se tkompli fil-21 ta’ Ottubru. L-akkużati qed jiġu assistiti mill-Avukati Stephen Tonna Lowell, Albert Zerafa, u Ana Thomas. L-Ispetturi tal-Pulizija Tomjoe Farrugia u Robert Azzopardi qed imexxu l-prosekuzzjoni, flimkien mal-avukati Francesco Refalo, Rebekah Spiteri u Mauro Abela mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>