Andre D’Amato mill-Mosta, professjonist tal-ICT u direttur ta’ kumpanija li qabel kien impjegat mill-aġenzija tal-IT tal-gvern MITA, issottometta applikazzjonijiet għall-permessi uniċi għax-xogħol għal ċittadini minn pajjiżi terzi biex jaħdmu f’Malta f’isem kumpanija li ma talbitx għal dawn il-ħaddiema.
Dan ħareġ meta kompliet il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana. D’Amato jinsab akkużat bi traffikar ta’ persuni, ħasil ta’ flus, użu ħażin tal-kompjuter, falsifikazzjoni ta’ dokumenti uffiċjali, użu ta’ dokumenti foloz, frodi, u dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet pubbliċi.
D’Amato huwa wkoll Eks President tas-sezzjoni taż-Żgħażagħ tal-General Workers’ Union u eks ambaxxatur mhux residenti f’Malta. D’Amato qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih. Ir-reati allegatament twettqu bejn l-2018 u l-2024.
Is-Surġent tal-Pulizija Elenia Maria Scerri, mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni, xehdet li D’Amato kien qal lil sid il-kumpanija li hu kien aġent tax-xogħol temporanju u li jista’ jipprovdilu impjegati li ġejjin minn barra l-UE. Iżda l-kumpanija ma kinitx taf dwar il-maġġoranza ta’ dawn il-ħaddiema, li allegatament inġiebu Malta f’isimha minn D’Amato.
Fil-Qorti ħareġ ukoll li D’Amato kien allegatament issottometta dokumenti falsifikati ma’ Identità meta applika għall-permessi uniċi tax-xogħol għal dawn iċ-ċittadini minn pajjiżi terzi. Il-ħaddiema allegatament kienu se jiġu impjegat minn KSL Limited.
Is-surġent qalet li d-direttur ta’ din il-kumpanija, Neil Azzopardi, ipprovda lista ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li kien awtorizza lil D’Amato biex ifittex, li kienet ferm iqsar mil-lista tal-applikazzjonijiet li D’Amato ssottometta ma’ Identità.
Allegatament, D’Amato kien qed japplika għal dan il-permess permezz tal-pjattforma ta’ Identità b’e-ID personali tiegħu. F’Mejju li għadda, l-eks ambaxxatur ġie arrestat. Il-Pulizija ġabret iPhone, laptop, desktop tal-kompjuter u dokumentazzjoni mir-residenza tiegħu fil-Mosta.
Fil-karozza tiegħu, il-Pulizija sabet fajl tal-plastik bil-konverżazzjoni bejnu u bejn Azzopardi pprintjata. Il-Pulizija ma sabitx xi ħaġa relevanti għall-investigazzjoni meta marret tfittex fl-uffiċċju tiegħu f’San Ġiljan. Andrè Brincat, li hu Kordinatur mill-aġenzija Identità, xehed li kien qed jippreżenta lill-Qorti fajls diġitali li jinkludu dokumenti li għandhom x’jaqsmu mal-akkużat.
Wieħed mill-fajls jinkludi l-profil tal-e-ID ta’ Damato bid-dettalji personali tiegħu. It-tieni fajl kellu fih kopja tal-profil ta’ Damato kif tidher fis-sistema tal-IT ta’ Identità. It-tielet fajl kien jinkludi lista ta’ kumpaniji assoċjati mal-utent, f’dan il-każ, l-akkużat meta ssottometta applikazzjonijiet għall-permess uniku għax-xogħol fis-sistema ta’ aġenzija.
Ix-xhud spjega li kull darba li ssottometta applikazzjoni f’isem il-kumpanija, dan se jidher fil-fajl għaliex il-fajl għandu d-dettalji ta’ min jimpjega u l-applikant. Fajl ieħor kien fih il-lista tal-applikazzjonijiet kollha li kienu sottomessi minn D’Amato u li kienu pproċessati fi stadju aktar tard.
Dan il-fajl juri l-karta tal-identità tiegħu u l-indirizzi tal-Protokoll tal-Internet (IP) ta’ meta ġew sottomessi l-applikazzjonijiet. Il-ħames fajl kien wieħed li juri l-e-ID u n-numru tal-mowbajl ta’ D’Amato u ż-żmien meta aċċessa l-profil tiegħu, prova ċara li kien hu għaliex kien hemm proċess ta’ awtentikazzjoni fis-seħħ.
Mix-xhieda ta’ Brincat ħareġ li l-applikazzjonijiet ġew sottomessi f’isem KSL Limited. Fl-aħħar tas-seduta, l-Ispettur Karl Roberts informa lill-Qorti li ċittadin barrani li kellu jixhed ma setgħax jinstab mill-Pulizija. L-uffiċjali tal-Pulizija żaru r-residenza tiegħu fl-Imsida tliet darbiet u saħansitra bagħtulu imejl, iżda sa issa għad ma rrispondiex.
Il-Qorti, li kienet ippreseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, qrat nota li osservat li l-Pulizija kienu qed jesperjenzaw xi diffikultajiet u ma rnexxilhomx isejħu għax-xhud minħabba l-fatt li possibbilment m’għadux f’Malta.
F’seduta preċedenti raġel min-Nepal xehed li ħallas €4,000 sabiex japplika għal permess tax-xogħol f’Malta fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol falz li allegatament ġie ffalsifikat minn eks impjegat tal-aġenzija tal-IT tal-gvern.
Magar Dil Bahadur min-Nepal kien qal lill-Qorti li qabel ma vvjaġġa lejn Malta, kien bagħat €4,000 lil ħabib tiegħu Nepaliż residenti Malta sabiex jikseb permess tax-xogħol Malti. Il-prosekuzzjoni qed issostni li l-ħabib imbagħad għadda l-flus lil D’Amato sabiex dan japplika għall-permess tax-xogħol, milli jidher f’isem il-klijenti tiegħu, fosthom kumpanija bbażata f’San Ġwann bl-isem KSL.
Il-każ ġie differit għat-30 ta’ Settembru f’12pm. L-avukati mill-Uffiċjċu tal-Avukat Ġenerali Ramon Bonett Sladden u Andreas Vella mexxew il-prosekuzzjoni flimkien ma’ Karl Roberts. L-avukat Franco Debono u Rene Darmanin assistew lill-akkużat.
//= $special ?>