Internazzjonali

Il-Libanu: Mijiet tal-membri tal-Ħeżbollah midruba mill-isplużjonijiet tal-‘pagers’…

Mijiet ta’ membri tal-grupp Ħeżbollah tal-milizji Xiti spiċċaw midruba mill-isplużjonijiet tal-pagers personali li huma kienu qed jużaw bħala mezz għall-komunikazzjoni.

L-isplużjonijiet seħħew fis-subborgi ta’ Bejrut lejn in-nofsinar u anki fi bnadi oħra tal-Libanu –bit-Televiżjoni nazzjonali ma tiżvelax jekk fost il-vittmi kienx hemm l-uffiċjali ewlenin tal-Ħeżbollah. Lanqas ma kien magħruf jekk uħud mill-midruba humiex fil-periklu li jitilfu ħajjithom.

Ir-ritratti u l-filmati fuq il-midja soċjali qed juru lill-irġiel midruba mal-art flimkien mal-gruppi paramediċi (f’Bejrut) li kienu qed iwasslu wħud lejn l-isptar.

Sadanittant, uffiċjali tal-Ħeżbollah ammettew li l-isplużjonijiet huma ‘l-akbar infiltrazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà’ fil-pajjiż mindu l-milizji Xiti, alleati tal-Iran, irrankaw l-ostilitajiet ma’ Iżrael kważi sena ilu.

Dan ukoll waqt li l-militar Iżraeljan ma kkummenta xejn dwar l-isplużjonijiet.