Internazzjonali

Il-maltemp fl-Ewropa: L-Italja mistennija tara rekord ta’ xita fi tlett ijiem

Il-pajjiżi tal-Ewropa għadhom qed jiffaċċjaw il-maltempati storiċi għat-tmiem tas-sajf u li ftit kien hawn bħalhom f’dawn iż-żmenijiet tas-sena. Żmenijiet iddominati mill-kurrenti tal-arja kiesħa u daqstant ieħor sħuna u li fi kliem l-esperti huma riżultat inevitabbli tal-bidliet fil-klima u tal-fenomenu magħruf bħala El Nino – fenomenu li fih jispikkaw il-varjazzjonijiet tat-temp ‘radikali’ minn żmien għal żmien.

Sadanittant – u wara li l-maltemp assedja lill-pajjiżi taċ-ċentru u n-nofsinar tal-Ewropa – l-Italja qed tistenna li tgħaddi minn inżul tax-xita straordinarju. Dan waqt li l-uffiċċju meteoroloġiku f’dan il-pajjiż ma eskludiex li l-pajjiż jista’ jara l-ekwivalenti ta’ xahar jew xahrejn xita fi żmien tlett ijiem.

Ir-reġjuni ta’ Emilia-Romagna u Marche kienu indikati bħala l-aktar reġjuni (fl-Italja) li jistgħu jbatu l-agħar ta’ dan id-dilluvju – u fejn qed tissemma l-possibbiltà ta’ għargħar fuq livell katastrofiku.

Mill-bidu tal-ġimgħa kienet għaddejja arja ta’ pressjoni baxxa fuq l-Italja li donnha ‘staġnat’ u fost indikazzjonijiet li l-pajjiż irid jiffaċċja l-maltempati bix-xita u ragħad għal ġranet konsekuttivi. Dan waqt li s-Servizzi Meteoroloġiċi tal-qawwiet tal-ajru Taljani diġà ħarġu r-red alerts dwar l-elementi tat-temp potenzjali u li għandhom ikunu effettivi għall-kumplament tal-ġimgħa,

Sadanittant, pajjiżi oħrajn, fl-Ewropa, qegħdin jagħmlu l-kalkuli tal-maltemp u l-għargħar diżastruż li faqa’ diversi zoni u reġjuni fost il-ħsarat u l-imwiet inevitabbli.

Issa hu konfermat li mietu ‘l fuq minn 25 b’kaġun tal-għargħar fil-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija u l-Awstrija.

Fl-aħħar sigħat ukoll, l-awtoritajiet fi Bratislava, il-kapitali tas-Slovakkja u f’Budapest, il-kapitali tal-Ungerija kienu qed iħejju għal inċidenza kbira ta’ għargħar meta kien tiela l-livell tal-ilma fix-Xmara Danubju.

Dan wara li l-jiem konsekuttivi ta’ għargħar qattiel fl-Ewropa kienu dovuti għall-maltempata mlaqqma Boris li, f’ħinijiet, anki rriżultat fl-inżul tal-borra li hu tassew fenomenu rari għal dan iż-żmien tas-sena.