Lokali

Inkjesta Maġisterjali oħra dwar skandlu ieħor taħt Byron Camilleri – PN

Il-PN jisħaq li l-Ministru Camilleri għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika u jirriżenja

Il-Partit Nazzjonalista jagħmel riferenza għad-deċiżjoni tal-Qrati ta’ Malta li jilqgħu t-talba biex issir inkjesta maġisterjali dwar ċitazzjonijiet li ġew ikkanċellati f’racket fi ħdan l-aġenzija LESA. Din it-talba saret mill-Avukat Jason Azzopardi.

Fi stqarrija, ix-Shadow Ministers Darren Carabott u Claudette Buttigieg qalu li għal darb’oħra, il-Partit Nazzjonalista jinnota kif il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri naqas milli jkun hu li juri s-serjetà u jieħu azzjoni mill-ewwel kif għandu jkun, iżda stenna li ħaddieħor jieħu l-ewwel pass.

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista dejjem jisħaq fuq separazzjoni bejn il-ħidma politika u l-operat fi ħdan entitajiet tal-Gvern, ir-responsbbiltà politika u t-teħid tad-deċiżjonijiet li jixraq sabiex jiġu investigati allegazzjonijiet bħalma saru ġimgħat ilu, jaqgħu fuq il-Ministru.

S’issa l-Ministru għadu sieket u ma qalx x’azzjonijiet se jieħu.

Din l-inkjesta dwar il-kanċellazzjoni ta’ ċitazzjonijiet fi ħdan il-LESA, tingħaqad ma’ lista ta’ skandli fosthom l-inkjesta dwar il-karti tal-identità b’indirizzi foloz, u laqgħat sigrieti bejn persuni fit-tmexxija tal-ħabs u priġunieri fost l-oħrajn.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jisħaq biex tintrefa’ r-responsabbiltà politika u r-riżenja tal-Ministru Byron Camilleri.

Dan ħareġ