Lokali Qorti

Ir-raġel li ħalla pakkett droga fuq l-għatba tal-familja Dalli ħaseb li hemm kien jgħix il-boxer Conor McGregor

Travis Francis Xuereb li nhar il-Ħamis jagħlaq 31 sena, ammetta quddiem il-Maġistrat Yana Micallef li hedded lill-Kummissarju Ewropew u Eks Ministru Laburista Helena Dalli u lill-familja tagħha meta f’Lulju li għadda poġġa basket bid-droga cannabis fuq l-għatba tagħha.

Fil-Qorti ħareġ li hu kien ħaseb li f’dik ir-residenza joqgħod il-boxer magħruf Irlandiż Conor McGregor. Huwa ammetta li wettaq dan ir-reat f’Lulju li għadda bil-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Stephen Gulia u Keith Rizzo tgħid li Xuereb għandu problemi mentali u li tressaq il-Qorti t-Tlieta, għaliex jinsab fi stat tajjeb biex iwieġeb għall-akkużi, anke jekk għad għandu bżonn il-kura.

L-Ispettur Gulia qal li fit-31 ta’ Lulju l-Pulizija ġiet infurmata li kienet tpoġġiet sustanza ta’ droga, li wara rriżulta li kienet cannabis fuq l-għatba ta’ Helen Dalli, Patrick Dalli u l-familja Dalli f’Marsaskala. Huwa qal li waslu għall-akkużat permezz ta’ cameras tas-CCTV.

Fid-9 ta’ Settembru li għadda nħareġ mandat ta’ arrest mill-Maġistrat inkwerenti Donatella Frendo Dimech fir-residenza tal-akkużat f’Santa Venera. L-Ispettur Gulia qal li waqt l-arrest Xuereb kien għaddej minn żmien ħażin ħafna fejn kien rikoverat l-Isptar Monte Carmeli.

Fil-fatt hu ġie rilaxxat it-Tnejn minn Monte Carmeli u reġa’ ġie arrestat. Mill-investigazzjoni rriżulta li minn naħa tal-akkużat meta wettaq ir-reat kien qed jaħseb fuq Conor McGregor, li huwa l-idolu ta’ Xuereb. L-akkużat ħaseb li d-dar fejn mar iħalli d-droga kienet ta’ McGregor u dak il-ħin ħaseb l-idolu tiegħu kien ħiereġ minn din ir-residenza.

Kien għalhekk li ħalla d-droga hemm bħala rigal lil idolu tiegħu. L-Ispettur qal li l-akkużat ma kienx jaf li r-residenza kienet ta’ Helena Dalli u l-familja tagħha. L-Ispettur Gulia kompla jgħid li Xuereb kien għamel xi żmien l-Isptar Monte Carmeli qabel ukoll.

Tenna li hu kien qed jakkużah ukoll li qed jagħmel fastidju lil diversi nies fuq Facebook. Tenna li l-problema tal-akkużat hi li anke meta jisma’ aħbar fuq il-midja soċjali, jaħseb li din tkun qed tiġi indirizzata lejh.

L-Avujat Franco Debono li flimkien mal-Avukat Marion Camilleri deher parte civili għall-familja, qal li l-familja kienu inkwetati fuq dak li ġara u ħasbu li dan kien xi skop malinn. L-Avukat ta’ Xuereb, Roberto Spiteri talab għal pre-sentencing report u l-għajnuna għall-klijent tiegħu, u mhux kull darba jidħol Monte Carmeli u jiġi rilaxxat mingħajr ebda soluzzjoni.

“Ma nistax nifhem kif dan jidħol għal għajuna, jiġi discharged u l-problema tibqa’,” qal l-Avukat li tenna li hemm bżonn ta’ kontinwità fil-kura tiegħu. L-Avukat Franco Debono qabel ma’ din is-sottomissjoni u ma sab l-ebda oġġezzjoni.

Il-partijiet kollha qablu li parti mill-piena għandha tkun ordni ta’ trattament u ġie maqbul li Dr.Catherine Dimech tibqa’ tikkurah kif kienet qed tagħmel meta kien l-isptar. Ma saritx talba għal libertà proviżorja.

Il-Qorti qalet lill-akkużat biex ma jkellem lil ħadd fuq dan il-każ bl-ebda mod, la lill-membri tal-familja Dalli u lanqas lill-vittmi fuq Facebook. Qaltlu li ksur ta’ din l-ordni tfisser multa €7,000 jew sentejn ħabs, jew it-tnejn flimkien.

Hawn l-Avukat Spiteri reġa’ insista għall-importanza ta’ rapport ‘long term’ fil-konfront tal-klijent tieħu. Huwa talba lill-Qorti wkoll biex Xuereb jinżamm fit-taqsima forensika tal-Isptar Monte Carmeli, bil-Qorti taqbel ma’ din ir-rakkomandazzjoni fejn ġie deċiż li jinħatar ukoll uffiċjal tal-probation, bis-sentenza hija prevista li tingħata nhar it-Tnejn, 30 ta’ Settembru fid-9am.

Il-gazzetta Il-Mument ippubblika ritratti fejn deher żagħżugħ ipoġġi basket fuq l-għatba tal-bieb ta’ barra tal-familja Dalli. Basket li sabu t-tifel ta’ Helena Dalli – Luke Dalli u li allegatament kien fih sustanza ta’ droga u nota bil-lingwa Ingliża fejn kienet tgħid… “darb’oħra nġib xi ħaġa għat-tfal”.

Minn informazzjoni li kienet ħarġet il-gazzetta Il-Mument jidher li l-familja Dalli kienet diġà rċeviet messaġġ stramb – iżda ma kienet rat xejn suspettuż fih. Iżda mbagħad, meta rċeviet din it-theddida quddiem il-bieb tad-dar irrappurtaw minnufih lill-Pulizija.

It-tifel ta’ Helena Dalli, Luke Dalli, spjega li kien fil-31 ta’ Lulju meta sab il-basket bin-nota u l-allegata sustanza wara l-bieb ta’ ommu waqt li kien qed iwassal lil ibnu għandha. B’Luke Dalli jispjega li xahar u nofs wara, il-Pulizija mmexxija minn Angelo Gafà ma kenux għadhom ħadu azzjoni.

.