Is-16 ta’ Settembru ta’ kull sena jimmarka Jum il-Mosta – hekk kif din hija l-ġurnata minn meta l-Isqof Tumas Gargallo waqqaf il-Parroċċa tal-Mosta.
Fil-fatt, is-16 ta’ Settembru ta’ din is-sena mmarka għeluq l-416-il sena minn meta twaqqfet il-Parroċċa.
Kull sena, proprju f’din il-ġurnata, il-Kunsill Lokali tal-Mosta jippremja residenti Mostin li ddedikaw sigħat twal u ħafna enerġija għal-lokalità Mostija; b’mod speċjali għax-xogħol volontarju li jwettqu għall-ġid tal-komunità Mostija.
Din is-sena kien imiss lil tliet persuni li ddedikaw ħafna ħin volontarju għall-komunità; dawn kienu George Grima; anzjan attiv fis-Soċjetà Piroteknika 15 ta’ Awwissu sa mit-twaqqif tagħha fejn anke kien involut fil-bini tal-kamra tan-nar ta’ din l-istess soċjetà. Huwa jagħti s-sehem tiegħu wkoll fil-Grupp Armar Marija Assunta.
Angelo Dingli wkoll ingħata Ġieħ il-Mosta – persuna attiva ħafna f’diversi għaqdiet tal-lokalità fosthom fl-iscouts u l-banda. Huwa kien ukoll involut fl-armar tal-festa tal-Assunta.
Angelique Lofaro, voluntiera fin-Nature Trust, ingħatat ukoll Ġieħ il-Mosta għad-dedikazzjoni li għandha lejn in-natura. Lofaro kienet rikonoxxuta bil-premju għall-volontarjat, tas-sena 2021.
Apparti Ġieħ il-Mosta, il-kunsill lokali jippremja diversi persuni li wkoll għandhom rwol importanti fis-soċjetà Mostija bil-premju ‘Rikonoxximent ta’ Mertu’.
Kienu tliet persuni li ngħataw dan ir-rikonoxximent; Maryanne Porter, persuna li ilha għal dawn l-aħħar 50 sena sservi bħala katekista fl-Oratorju Qalb ta’ Ġesù u attiva wkoll fl-Oratorju Marija Immakulata.
Joseph Zerafa, li ngħata dan ir-rikonoxximent bħala rappreżentant tal-komunità kummerċjali.
U Angela Farrugia; li ħadmet ma’ tfal bi bżonnijiet speċjali u għad-dedikazzjoni fix-xogħol tagħha mat-turisti fil-Bażilika tal-Mosta.
Is-Sindku tal-Mosta, Joseph Gatt, indirizza lil dawk preżenti fejn wera l-apprezzament tal-Kunsill Lokali lejn dawk kollha li jaħdmu favur is-soċjetà Mostija.
Preżenti għas-serata kien hemm ukoll il-Kap tal-PN Bernard Grech flimkien ma’ AnneMarie Grech, ix-Shadow Ministers Ivan Bartolo u David Agius, kif ukoll il-Kunsilliera, Eks Sindku u Eks Kunsilliera tal-Kunsill Lokali tal-Mosta.
//= $special ?>