Budget 2025 Lokali

Kollox jindika li l-COLA se tkun bejn €5 u €6 bil-Gvern se jkompli jintaxxa din iż-żieda

Kollox qed jindika li l-COLA fil-Budget 2025 se tkun bejn €5 u €6 bil-Gvern ta’ Robert Abela mistenni jkompli jintaxxa din iż-żieda. Dan hekk kif sa issa, ma kkommettiex ruħu li jneħħi din it-taxxa.

Dan kollu ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tlieta filgħodu mill-MEA illi saħqet li se tkompli tappella lill-Gvern ta’ Robert Abela sabiex jieqaf jintaxxa din iż-żieda tal-COLA li tingħata fil-Budget – xi ħaġa li anke l-Partit Nazzjonalista ilu s-snin jisħaq fuqha.

Apparti minn hekk, fid-dokument ta’ qabel il-budget l-MEA saħqet fuq l-importanza li jkollna bidla fil-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna; minn wieħed li preżentament huwa bbażat fuq il-kwantità għal wieħed ibbażat fuq il-kwalità.

L-MEA qalet ukoll li l-Gvern għandu jikkunsidra b’serjetà il-carrying capacity ta’ pajjiżna għaliex is-sitwazzjoni preżenti qed twassal għal nuqqas fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu.

F’kummenti ma’ Net News id-Direttur Ġenerali tal-MEA Kevin Borg saħaq fuq l-importanza li jkollna titjib fil-kwalità fis-setturi kollha.

B’rabta mat-turiżmu, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem qalet li dan is-settur jeħtieġ pjan fit-tul għaliex se nispiċċaw b’deterjorazzjoni fis-sbuħija ta’ pajjiżna bħala destinazzjoni turistika.

Hawnhekk l-MEA saħqet fuq l-importanza li jkun hemm investiment serju fid-distribuzzjoni tal-enerġija, fis-sistema tal-ilma u tad-drenaġġ kif ukoll fl-infrastruttura ta’ pajjiżna. Dan wara li għal sajf ieħor il-poplu Malti u Għawdxi qatta’ sigħat twal bla dawl f’temperaturi mill-aktar għoljin kaġun tan-nuqqas ta’ investiment.

Fil-konfront tas-settur marittimu l-MEA qalet li hemm bżonn viżjoni fit-tul u opportunitajiet ta’ xogħol. Dan apparti li nnuttaw in-nuqqas ta’ dokument ta’ strateġija ddediktat lis-settur marittimu – settur li għandu importanza strateġika f’pajjiżna.

Intant, fid-dokument ta’ qabel il-budget l-MEA saħqet fuq l-importanza li pajjiżna jħaddan aktar il-governanza tajba u aktar trasparenza mill-Gvern; fosthom li ma jkunx hawn ħela ta’ fondi pubbliċi kif ukoll li tkun ippubblikata lista tal-individwi li jokkupaw position of trust.