Internazzjonali

Portugall: Emerġenza tan-nirien f’diversi reġjuni

Eluf tal-membri tal-iskwadri għall-emerġenzi qed jikkumbattu mal-għexieren tan-nirien qalb foresta u territorju aħrax. Din hi sitwazzjoni ta’ tħassib kbir u li, fi kliem il-Prim Ministru Portugiż, Louis Montenegro, qed ‘tħalli l-impatt qalb diversi zoni fil-pajjiż’.

In-nirien ħallew anki numru mhux ikkonfermat ta’ vittmi u wara li t-temperaturi fil-Portugall, fi tmiem il-ġimgħa, qabżu sew it-30 gradi Celsius – livelli tas-sħana li mistennija jibqgħu għolja matul din il-ġimgħa u biċ-ċirkustanzi  żgur mhumiex jgħinu biex l-iskwadri jikkontrollaw is-sitwazzjoni perikoluża.

Waħda mill-akbar inċidenzi tan-nirien qed tiddomina fl-inħawi ta’ Oliveira de Azeméis u l-awtoritajiet Portugiżi qed iwissu dwar il-possibbiltà kbira ta’ nirien ġodda qalb l-aħrax f’ħafna reġjuni fiċ-ċentru u lejn it-Tramuntana tal-pajjiż.

It-theddida – jew possibbiltà – ta’ dan l-iżvilupp issemmiet bħala ‘kbira ħafna’ minn issa sa, almenu, nhar il-Ġimgħa. Dan ukoll wara li n-nirien ħarqu ‘l fuq minn 37 mili kwadri ta’ art bejn il-belt ta’ Porto u Aveiro, fin-naħa ta’ fuq tal-Portugall.