Futbol Sport

Prestazzjoni mill-aqwa mit-tim ta’ taħt it-12-il sena tal-International Football Academy Malta

It-tim ta’ taħt it-12-il sena (The Project) tal-International Football Academy Malta kellu esperjenza ta’ suċċess kbir fl-Olanda bejn it-30 ta’ Awwissu u t-3 ta’ Settembru.

Matul din l-esperjenza tagħhom, it-tim irrappreżenta lil Malta b’mod mill-aktar sodisfaċenti hekk kif iklassifikaw fit-tieni post f’tournament internazzjonali tal-ogħla livell.

Il-Burgundy Battlers kienu fi grupp xejn faċli li kien jikkonsisti minn Hammarby, Genk, PSV Eindhoven, AZ Alkmaar u Odense, bit-tim Malti jispiċċaw fl-ewwel post flimkien ma’ AZ. Fis-semifinali huma ltaqgħu ma’ Ajax Amsterdam, li huma kklasifikati bħala waħda mill-aqwa akademiji tal-futbol madwar id-dinja.

Is-semifinali kien konfront ferm qalil li ra lill-IFA Malta tilgħab logħba mill-aqwa u ħarġet rebbieħa fuq Ajax bl-iskor finali ta’ 1-0.

Fil-finali IFA taw wirja qalbina kontra waħda mill-aqwa Akkademji tal-Olanda, AZ Alkmaar iżda tilfu 1-0 hekk kif laqtu il-minduda fl-aħħar minuta tal-partita.

Dan it-tournament Internazzjonali sar f’Neede u kien organizzat mill-klabb tal-futbol lokali fil-faċilitajiet tagħhom. Timijiet oħra li ħadu sehem f’dan it-tournament kienu Bayer Leverkusen, Royal Antwerp u Twente.

Matul din iż-żjara fl-Olanda, l-IFA lagħbet ukoll numru ta’ partiti ta’ ħbiberija kontra timijiet tal-ogħla livell u kellha wkoll wirjiet u riżultati pożittivi ħafna. It-tim immexxi minn Nicholas Baldacchino u Nardu Farrugia jinkludi elementi minn numru ta’ Akkademji u Nurseries differenti minn Malta.

Dan il-proġett immexxi mill-IFA, ra grupp ta’ plejers jaħdmu b’mod professjonali għal dawn l-aħħar tliet snin, fejn saru testijiet fiżiċi, ingħataw dieti speċifiċi, ikollhom logħob analizzat u jieħdu taħriġ tal-aqwa kwalità. Dan ir-riżultat jikkonferma li għandna kwalità kbira fil-plejers żgħażagħ u tfal tagħna u taħt gwida professjonali li jistgħu jikkompetu fl-ogħla livell.

Dan it-tournament isegwi tournaments f’Parma, fl-Olanda, fil-Gżejjer Atzore, Tour tar-Renju Unit fejn lagħbu kontra l-aqwa PRO Academies, fejn dan il-grupp kellu suċċessi kbar li jagħtu aktar kuraġġ biex ikomplu jiżviluppaw fi plejers tal-ogħla livell.