Professjonista mis-settur tas-saħħa ppreżentat protest ġudizzjarju fejn talbet għall-annullament tal-proċessi tal-għażla għall-ħatra ta’ ‘chief nursing managers’ fl-isptarijiet Mater Dei u ta’ Għawdex. Dan għaliex il-proċess kien wieħed ivvizzjat.
Isabelle Aquilina qalet fil-protest tagħha, li bħala professjonista infermiera b’livell terzjarju ta’ edukazzjoni u “esperjenza eċċellenti” fil-qasam, kienet applikat għall-karigi, u esprimiet ir-rieda li taħdem kemm fl-Isptar Mater Dei kif ukoll fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Qalet li kienet kandidata eliġibbli, wara li kompliet ukoll l-istudji tagħha barra minn Malta. Il-proċess tal-għażla tmexxa minn bord magħmul mill-istess membri għaż-żewġ karigi maniġerjali li kienu “identiċi għalkemm distinti.”
Id-distinzjoni ħarġet mill-fatt li kariga waħda kienet tirrigwarda Mater Dei, filwaqt li l-oħra kienet relatata mal-Isptar ta’ Għawdex. Il-membri tal-bord kienu jinkludu s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tas-Saħħa.
Ir-riżultati ta’ dak il-proċess tal-għażla ġew ippubblikati fit-2 ta’ Lulju. Dakinhar stess, Aquilina qalet li ressqet ittra ġudizzjarja fejn tilmenta formalment mal-awtoritajiet relattivi dwar ir-riżultati “sorpriża ħafna”.
Iżda dik l-ittra ġudizzjarja ġiet kompletament injorata. Irrimarkat li fir-rigward tal-kariga ta’ Mater Dei, hija kienet tpoġġiet fis-seba’ post minn 14-il kandidat. Hija kienet klassifikata r-raba’ minn tmien kandidati li kienu applikaw għall-post identiku fl-Isptar ta’ Għawdex.
Aquilina qalet li qieset dik il-klassifika bħala “inġusta u arbitrarja”. Iżda aktar sorprendenti kien il-fatt li l-kandidat li kklassifika fl-ewwel post għall-kariga ta’ Għawdex ikklassifika fin-naħa t’isfel fir-riżultati paralleli għall-kariga ta’ Mater Dei.
Tali klassifikazzjoni ma kinitx biss “totalment ivvizzjata u kontradittorja” iżda wkoll tat lok għal “anomalija serja,” sostniet. Evidenza “iswed fuq abjad” bħal din kienet tfisser li l-proċess tal-għażla għandu jiġi ddikjarat null, sostniet Aquilina.
Il-protest ġudizzjarju sar kontra l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa. L-avukat Michael Tanti-Dougall iffirma l-protest ġudizzjarju.
//= $special ?>