Il-Partit Nazzjonalista jinnota r-responsabbiltà li ngħata l-Kummissarju Malti nominat minn Robert Abela. Il-Partit Nazzjonalista jawgura lil Glenn Micallef li jmexxi b’suċċess il-portafoll li ġie nominat għalih. Fl-istess waqt il-Partit Nazzjonalista jittama li l-Kummissarju Malti jkun vuċi b’saħħitha fil-Kummissjoni Ewropea.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota li Robert Abela uża l-kariga ta’ Kummissarju Ewropew biex jipprotegi lilu nnifsu mill-kurrenti li hemm kontra tiegħu fil-Partit Laburista u rrifjuta t-talba li sariltu biex jinnomina persuna b’esperjenza ministerjali, inkluż mill-Kabinett tiegħu stess, u rrifjuta wkoll li jissottometti isem ta’ mara biex tiġi kkunsidrata għall-għażla ta’ Kummissarju. Il-Prim Ministru injora wkoll is-sejħa li kienu qed jagħmlulu l-korpi kostitwiti Maltin dwar l-għażla tal-Kummissarju Malti.
B’din il-pika Robert Abela poġġa lilu nnifsu f’pożizzjoni dgħajfa u ma setax jinnegozja biex il-Kummissarju jingħata aktar responsabbiltajiet ma’ dawk li ngħata. Iż-żgħażagħ, il-kultura u l-isport għandhom importanza għaliex mill-ambizzjonijiet u x-xewqat tagħhom jiddependi l-ġejjieni ta’ pajjiżna u l-Ewropa, iżda Robert Abela ma kienx f’pożizzjoni li l-Kummissarju Malti jkollu responsabbiltajiet addizzjonali bħalma hu l-Mediterran, ma’ dak li qed jiġi propost li jkollu. Dan mhux mod kif għandu jġib ruħu Prim Ministru.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista dejjem ħadem biex għolla isem pajjiżna fl-Ewropa, Robert Abela kapaċi biss jaħseb fih innifsu mingħajr ma jħares fit-tul. Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-awguri tiegħu lil Glenn Micallef u jawgura li jkun vuċi li tagħraf il-potenzjal ta’ Malta bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>