Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, ikkundannar mara ta’ 53 sena mil-Litwanja għal sitt xhur ħabs sospiżi għal sena u kellha l-liċenzja skwalifikata għal tliet xhur wara li nstab li kellha parti mit-tort għal inċident li fih miet raġel fl-2020 f’inċident bejn karozza u mutur.
F’Novembru li għadda, il-Qorti ma kinitx sabet lil Ligita Imbrasienė ħatja ta’ omiċidju involontarju b’rabta mal-inċident li fih kien tilef ħajtu Mark Camilleri. Il-Qorti tal-Maġistrati qalet li l-prosekuzzjoni ma kinitx ippruvat il-każ tagħha skont il-liġi.
Mark Camilleri kellu 46 sena meta tilef ħajtu traġikament f’inċident tat-traffiku li seħħ is-Sibt waranofsinhar għall-ħabta tat-tlieta nieqes kwart, fi Triq it-Telgħa ta’ Selmun, ix-Xemxija. Il-ħabta kienet seħħet bejn vettura tat-tip Toyota Passo misjuqa mil-mara residenti San Pawl il-Baħar, u mutur tat-tip KTM 1190RC8 misjuq mill-vittma.
L-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza bil-Qorti tal-Appell tgħid li l-mara kellha parti mit-tort. Camilleri ta’ 46 sena residenti l-Mellieħa, miet fuq il-post meta ħabat mal-karozza misjuqa minn Imbrasienė fl-1 ta’ Frar 2020.
Id-dinamika tal-inċident seħħ hekk kif Camilleri kien sejjer il-Mellieħa filwaqt li l-mara kienet għadha kif ħarġet mill-Bajja tal-Mistra u kienet fi triqtha lejn id-direzzjoni opposta. L-espert tal-Qorti Mario Buttigieg qal li Imbrasienė kienet wieqfa fil-ħin tal-inċident, filwaqt li s-sewwieq tal-mutur kien qed isuq b’veloċità eċċessiva ta’ 195km fis-siegħa meta żamm il-brejk li wassal biex jiddistabbilizza l-mutur iżda spiċċa ħabat fil-karozza ta’ Imbrasienė li kienet wieqfa.
Fl-appell, l-AĠ qal li l-liġi ġiet interpretata b’mod ħażin u kellha twassal għall-kundanna tal-mara. Fil-bidu, l-ewwel Qorti semmiet li ma kinitx totalment sodisfatta bil-mod kif il-Prosekuzzjoni ressqet il-provi għaliex wieħed mill-esperti ewlenin ma ntalabx jixhed. L-espert kien il-perit Richard Aquilina
Il-Qorti kienet ikkritikat ukoll lill-Prosekuzzjoni talli ma ressqitx aktar xhieda li nzertaw fuq il-post. Iżda fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Appell qalet li ma taqbilx għalkollox mal-ewwel Qorti għaliex il-proċess verbal tal-inkjesta maġisterjali jista’ jitqies bħala evidenza u din kien fiha x-xhieda tal-persuni fuq il-post.
Hi semmiet kif ir-rapport tal-espert tat-traffiku Mario Buttigieg ikkonkluda li Imbrasienė setgħet kienet aktar attenta fis-sewqan tagħha. Madanakollu, hi kkunsidrat ukoll li ma kienx għalkollox faċli għal Imbrasienė biex tinnota li kien ġej il-mutur tal-vittma għaliex it-triq kienet elevata u l-mera fit-triq kienet maħmuġa wisq.
Ikkunsidrat ukoll li l-evidenza tikkonferma li l-vittma kien qed isuq wisq bl-għaġla meta seħħ l-inċident fatali. “Imma din il-Qorti ma tistax tifhem kif l-ewwel Qorti ma semmietx il-parti tar-rapport li jitfa’ parti mit-tort fuq is-sewwieqa u semmiet biss il-parti tat-tort tal-vittma”, qalet il-Qorti tal-Appell.
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell ikkonkludiet li, filwaqt li s-sewqan eċċessiv tal-vittma kellu parti mit-tort tal-inċident, kienet Imbrasienè li kellha toqgħod aktar attenta fil-karozza tagħha. Imbrasienè nstabet ħatja ta’ omiċidju involontarju u ta’ negliġenza fis-sewqan tagħha u ġiet ikkundannata għal sitt xhur ħabs sospiżi għal sena filwaqt li l-liċenzja tagħha ġiet skwalifikata għal tliet xhur. Hi ġiet ordnata wkoll tħallas €2,306 fi spejjeż tal-Qorti.
//= $special ?>