Internazzjonali

Ukrajna-Russja: Zelensky jiċħad ‘għall-propaganda’ tal-Kremlin dwar il-battalji f’Kursk

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky, għan-nom tal-Gvern tiegħu, qal li l-propaganda li ħierġa bħalissa mir-Russja ma tirriflettix il-verità fl-artijiet ta’ Kursk – ir-reġjun Russu li ħafna minnu spiċċa okkupat mill-qawwiet Ukreni, ġimgħat wara li huma qasmu għar-Russja waqt l-inkursjoni sorpriża mill-fruntiera.

Dan ukoll waqt li l-Ministeru tad-Difiża Russu qed jinsisti li t-truppi tal-Kremlin ħadu lura l-kontroll fil-villaġġ ta’ Snagost, fir-reġjun ta’ Kursk u qrib ħafna l-fruntiera mal-Ukrajna. Fl-istess ħin, Moska ċċirkolat filmati dwar il-battalji għall-konfront ta’ Snagost li kien waqa’ lill-Ukreni ftit wara l-inkursjoni f’Kursk li ilha għaddejja mis-6 ta’ Awwissu

Min-naħa tiegħu, il-President Zelensky, waqt li tkellem dwar is-sitwazzjoni f’Kursk, qal li l-Ukrajna se taċċerta li l-fatti mal-art jissuperaw kull storja ivvintata mir-Russja għal skopijiet propagandistiċi.

Hu kompla li bħalissa, f’Kursk, għaddejjin l-għexieren tal-battalji bejn it-truppi tiegħu u l-militar Russu, bl-aktar ġlied intensiv qed iseħħ fl-inħawi ta’ Kurakhove u Pokrovsk fejn is-suldati Ukreni qed jiddefendu ‘tajjeb’ il-pożizzjonijiet tagħhom.