Sport

Wara l-Logħob Paralimpiku ta’ Pariġi 2024: Bidu ta’ ‘rivoluzzjoni ta’ inklużjoni’

Issa li l-Logħob Paralimpiku ta’ Pariġi 2024 wasal fi tmiemu, il-Kumitat Paralimpiku Malti (MPC) saħaq fuq is-sejħa li saret mill-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali (IPC) biex il-Logħob jagħtu bidu ta’ ‘rivoluzzjoni ta’ inklużjoni’.

F’dan il-Logħob, Malta kienet irrappreżentata minn żewġ atleti, Maja Theuma (24 sena, Para ghawm) u Antonio Flores (34 sena, Para atletika). Fid-debutt tagħha f’dan il-livell, Maja ikkompetiet fl-avveniment tan-nisa tal-50m freestyle S6, u spiċċat it-tellieqa f’ħin ta’ 1:13.10. Antonio kkompeta fil-klassi T64 (klassi għal atleti b’amputazzjoni waħda taħt l-irkoppa) fl-avvenimenti sprint tal-100m u l-200m, fejn għamel l-aħjar ħinijiet tal-istaġjun ta’ 13.07s u 26.67s rispettivament. B’hekk, Antonio kkompeta darbtejn fil-Logħob Paralimpiku wara d-debutt tiegħu f’Beijing 2008, u sar l-ewwel u l-uniku blade runner ta’ Malta s’issa li kkompeta fil-Logħob Paralimpiku.

L-MPC ferħet liż-żewġ atleti għall-prestazzjonijiet tagħhom u enfasizzat kif iż-żewġ atleti kienu eżemplari matul il-vjaġġ tagħhom fl-isport paralimpiku bir-reżiljenza, il-perseveranza u d-dedikazzjoni tagħhom, u tinsab fiduċjuża li Maja u Antonio se jġorru l-bandiera u l-valuri Paralimpiċi kull fejn imorru. Il-Kumitat innota b’sodisfazzjon ukoll li dan huwa t-tieni Logħob konsekuttiv li fih Malta kkompetiet b’ aktar minn atleta wieħed, b’parità bejn tal-irġiel u n-nisa.

L-MPC faħħar l-elezzjoni ta’ Vladyslava Kravchenko (Teżorier tal-MPC li rraprezentat lil Malta darbtejn fil-Logħob Paralimpiku) fil-Kunsill tal-Atleti tal-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali. Bħala l-atleta rappreżentanta ta’ stati nazzjonali żgħar u li qed jiżviluppaw, din il-kariga tpoġġi lil Malta fil-qalba tal-Moviment Paralimpiku globali u ssaħħaħ ir-rieda tagħna li nkunu vuċi b’saħħitha għall-atleti.

Filwaqt li tħares ‘il quddiem lejn iċ-ċiklu Paralimpiku li jmiss 2025-2028 li se jwassalna għal-Logħob Paralimpiku ta’ Los Angeles 2028, l-MPC enfasizzat li filwaqt f’dawn it-tliet snin saret qabża ‘l quddiem, irridu nibqgħu naħdmu bla sabar u bid-doppju tal-enerġija u r-riżorsi tagħna biex insegwu l-objettivi ġenerali tagħna li noffru aċċessibbiltà aktar wiesgħa għall-Para sport u l-attività fiżika għall-individwi kollha b’diżabbiltajiet fiżiċi, viżivi jew tas-smigħ, u ninkoragixxu lill-Para-atleti kompetittivi biex jiksbu riżultati sportivi aktar ambizzjużi fil-qasam kompetittiv.

B’ħidma b’saħħitha, b’involviment ta’ speċjalisti u strateġija fit-tul, il-Kumitat jista’ jara li dan iseħħ. Ir-realtà hi li l-Isport Paralimpiku għadu fi stat ta’ żvilupp madwar id-dinja, u qegħdin nipprevedu li se jkompli jevolvi b’pass mgħaġġel matul is-snin li ġejjin. Filwaqt li l-2021-2024 kien żmien ta’ tkabbir u skoperta, l-2025-2028 għandu jkun żmien ta’ maturità u tisħiħ tal-moviment Paralimpiku lokali.

Il-Kumitat esprima l-gratitudni tiegħu lill-imsieħba tiegħu għal-Logħob, u lill-istakeholders tagħha li kkontribwixxew lejn l-iżvilupp tal-Isport Paralimpiku f’Malta sa mit-twaqqif mill-ġdid tal-Kumitat fl-2018.