Sport

Żabbar kisbu l-ewwel tliet punti tal-istaġun

Balzan       0              Żabbar St. Patrick   2

Żabbar St. Patrick kisbu l-ewwel tliet punti tal-istaġun b’rebħa ta’ 2 – 0 fuq Balzan.

Żabbar marru fil-vantaġġ wara biss 55 sekonda meta b’difiża ta’ Balzan wieqfa, kien Marcelo Barros Santos li seraq ballun, daħal fil-kaxxa u skorja fir-rokna tax-xibka.

Fl-14-il minuta, kien Brian Gambarte għal Żabbar li kellu t-tentattiv li spiċċa għoli.

Balzan kellhom l-ewwel azzjoni denja man-nofs siegħa logħob meta minn freekick ta’ Mosawer Awadi, kien Marcel Lima li bir-ras xeħet għoli.

Protesti minn Żabbar fl-44 minuta meta Marcelo Barros twaqqa’ fil-kaxxa. Ir-referee ħalla l-logħob għaddej bix-xutt ta’ Joao Pedro Mendonca jaħbat fuq barra tal-lasta.

Fis-77 minuta Żabbar ingħataw penalty meta s-sostitut David Oliveira Souza twaqqa’ fil-kaxxa sabiex mill-11-il metru, kien Brian Gambarte li għeleb lil Danilo Golovic għat-2 – 0

Referee : Glen Tonna