L-OPINJONI
Birkirkara kisbu t-tielet rebħa tagħhom fejn għadhom ukoll bla telfa biex jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika tal-Kampjonat Premier flimkien ma’ Sliema Wanderers. Għall-avversarji tagħhom Hibernians, din kienet l-ewwel telfa tal-istaġun wara bidu inkoraġġanti. Kienet logħba li rat lil Birkirkara jiskurjaw darbtejn fit-tieni taqsima biex meritatament kisbu l-punti massimi. Dan huwa mument tajjeb mill-Istripes fejn qegħdin ikunu konsistenti fil-logħob tagħhom taħt il-gwida ta’ De Angelis. Minkejja li hemm numru ta’ uċuħ ġodda fit-tim, jidher li apparti li hemm l-għaqda fl-iskwadra, il-players qed jifhmu sew lil xulxin. Għal Hibernians dan kien pass falz iżda xorta waħda għandhom iħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu għall-partita li ġejja.
Gżira United kisbu t-tielet rebħa tal-istaġun wara li huma għelbu lil Melita bl-iskor ta’ 3-2. Kif jindika l-iskor, din kienet logħba kumbattuta u li kien fiha diversi azzjonijiet. Fil-fatt il-Maroons dehru li kienu fil-kontroll tas-sitwazzjoni iżda eżatt qabel għalqet l-ewwel taqsima sofrew gowl li daħħal lit-tim immexxi minn Clive Mizzi fil-partita. It-tieni ħamsa u erbgħin minuta kienu aktar movimentati fejn minkejja li Gżira dejjem kienu xi ftit aħjar mill-avversarji, Melita qatt ma’ ċedew pulżier. Waħda mill-problemi li qed jaffaċċjaw Melita hija dik li qed isofru ħafna gowls u minkejja li huwa tim offensiv u li jiskorja, mhux qed jikkumpensa biżżejjed. Iżda żgur li din kienet wirja li tkompli tibni fuq dawk ta’ kontra Floriana, M’Xlokk u Ħamrun Spartans.
Ħasda għal Ħamrun Spartans hekk kif huma sofrew l-ewwel telfa tal-istaġun għas-spejjeż ta’ Mosta li għal dawn tal-aħħar kienet l-ewwel rebħa tagħhom. Il-gowl li ddeċieda l-logħba wasal żewġ minuti mit-tmiem mill-attakkant Nigerjan Sunday Okereke, gowl li fisser ħafna għall-Mostin. Iżda l-Ispartans ma jridu jwaħħlu f’ħadd iżda fihom infushom biss li sofrew din it-telfa. Huma tilfu diversi ċansijiet ta’ skor fejn anki fallew mill-ħdax il-metru. Apparti dan, huma spiċċaw b’għaxar players wara t-tkeċċija ta’ Ryan Camenzuli għaxar minuti mit-tmiem. Għat-tim immexxi minn Zinnari ddebutta l-attakkant Franċiz Chris Mba Ondong. Mill-banda l-oħra, anki Mosta kellhom tliet debuttanti fit-tim minbarra numru ta’ players prodott tal-klabb li qamu għall-okkażjoni.
Giancarlo ta’ Mosta jitwaqqa’ minn Elionay ta’ Ħamrun (Ritratt: Catriel Farrugia)
U jkompli l-mument tajjeb minn Sliema Wanderers li bir-rebħa minima li kisbu fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kontra Marsaxlokk, jinsabu jaqsmu l-ewwel post tal-klassifika. Il-logħba bdiet bil-kbir hekk kif wara biss disa’ minuti Sliema fetħu l-iskor. Dan seta’ fisser li ser ikollna logħba b’ħafna gowls iżda dan ma kellux ikun għax kien dan il-gowl uniku li ddeċieda l-logħba. Fil-fatt, iż-żewġ timijiet fallew diversi ċansijiet ta’ skor. Din it-telfa tkompli titfa’ aktar pressjoni fuq il-kowċ ta’ Marsaxlokk hekk kif din kienet ir-raba’ waħda minn daqstant logħbiet. Jidher li minkejja li t-tim qed jipprova jkun offensiv u jaħdem, xorta waħda jidher li dawn huma dell ta’ dak li rajna l-istaġun li għadda.
Il-midfielder Jake Ghio ta’ Marsaxlokk bil-pussess tal-ballun (Ritratt: Catriel Farrugia)
Żewġ gowls mill-attakkant Franklin Sasere kienu biżżejjed sabiex Floriana kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Naxxar Lions 2-0. Ir-rebħa kienet meritata għall-Greens dan peress li huma ddominaw il-partita għal ħinijiet twal. Mill-banda l-oħra Naxxar deher tim aktar konċentrat biex jiddefendi milli jattakka. Floriana kienu dominanti l-aktar fl-ewwel taqsima iżda naqsu li jsibu x-xibka. Kellu jkun penalty lejn is-siegħa logħob li fetaħ it-triq lejn it-tieni rebħa tal-Greens dan l-istaġun, biex is-siġill wasal mad-disgħin minuta. Rebħa li poġġiet lil Floriana fir-raba’ post tal-klassifika. Għal Naxxar, din kienet it-tielet telfa minn erbgħa fejn kuntrarju għas-sena li għaddiet il-bidu jidher li huwa wieħed diffiċli għal-Lions.
Wasal il-mument mistenni minn Żabbar St Patrick li kisbu l-ewwel tliet punti tal-istaġun, dan wara li huma għelbu lil Balzan bl-iskor ta’ 2-0. Iż-Żabbarin ħarġu determinati li jiksbu r-rebħa wara tliet telfiet konsekuttivi u hekk għamlu. Fil-fatt, wara biss minuta logħob huma kienu diġà fetħu l-iskor biex dan il-gowl ikkundizzjona l-logħba. Balzan deher tim nieqes ħafna mill-ideat fejn bdew isibuha diffiċli ħafna sabiex joħolqu ċansijiet u jinkwetaw lid-difiża avversarja. Żabbar St Patrick kien tim iffukat tul id-90 minuta kollha biex kisbu dak li riedu minn din il-partita. Tliet punti li apparti li bihom jinqalgħu minn qiegħ il-klassifika, ser ikun ta’ saħħa morali biex jaffrontaw il-logħbiet li jmiss. Min-naħa ta’ Balzan, it-tim irid ikun aktar konsistenti sabiex jevita problemi akbar lejn tmiem l-istaġun.
INNUTAJNA
LI ġiet fi tmiemha l-era Marcolini bħala kowċ tat-tim nazzjonali Malti. Jidher li din id-deċiżjoni ttieħdet wara l-aħħar wirjiet tat-tim nazzjonali fil-UEFA Nations League. Il-kuntratt ta’ Marcolini kien jiskadi fi tmiem din is-sena. L-MFA ser tkun qed tiddiskuti s-suċċessur ta’ Marcolini fil-Laqgħa tal-Eżekuttiv li jmiss.
LI fi tmiem din il-ġimgħa beda ċ-Challenge League. Jidher li din is-sena dan il-kampjonat ser ikun wieħed interessanti hekk kif bħala favoriti għall-promozzjoni hemm ovvjament Valletta u Marsa. Hemm ukoll entużjażmu kbir l-aktar fost il-partitarji Beltin li marru bi ħġarhom fis-Centenary Stadium sabiex isegwu r-rebħa li t-tim tagħhom kiseb kontra Sirens bl-iskor ta’ 3-0.
LI verament li għadu kmieni ħafna fl-istaġun, imma wieħed kien jistenna attendenza ferm akbar għal-logħba prinċipali ta’ tmiem il-ġimgħa bejn Hibernians u Birkirkara. Filwaqt li l-ħidma li qed issir mit-360Sports Malta Premier hija waħda tajba ħafna, irridu issa naraw ir-rispons tal-pubbliku x’ser ikun. Li huwa fiċ-ċert li hemm bżonn kemm jista’ jkun malajr ta’ infrastruttura ta’ ground ieħor bħalma huwa t-Tony Bezzina Stadium li jagħmel differenza kbira mil-logħob li jintlagħab fil-massività tal-Istadium Nazzjonali.
//= $special ?>