Lokali

Edward Zammit Lewis mhux xieraq għal kariga ta’ Mħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE

Fi stqarrija, l-għaqda Repubblika sostnew li meta kien ministru tal-gvern Edward Zammit Lewis kien f’kuntatt inaċċettabbli ma’ Yorgen Fenech. Fiż-żmien li fih saru dawn il-kuntatti kien raġjonevoli għal kulħadd jissuspetta li Yorgen Fenech kien jikkorrompi l-ministri tal-gvern. Din kienet ħbiberija sigrieta u kompromettenti ma’ persuna li eventwalment ġiet akkużata li ordnat il-qtil ta’ ġurnalista li kienet qrib li tikxef il-korruzzjoni li kien involut fiha.

Bin-nomina tiegħu, il-gvern qed juri li ma tgħallem xejn, u li għalih il-korruzzjoni fil-ħajja pubblika hi skużabbli jekk il-korrotti jkunu tal-istess tribù.

Nittamaw li l-passat ta’ Yorgen Fenech jiġi eżaminat bir-reqqa mill-persuni li għad iridu jiddeċiedu dwar din in-nomina oġġezzjonabbli li għamel il-gvern.