Filwaqt li kważi l-Ewropa kollha tinsab f’tellieqa biex tnaqqas l-emissjonijiet, Malta rreġistrat l-ogħla żieda, 9%, u kompliet iżżid l-emissjonijiet mill-2014 ‘l hawn.
Dan qalu l-PN fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister Eve Borg Bonello.
Il-Gvern Malti m’għandux viżjoni għal ekonomija carbon-neutral, u bil-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija u l-Klima li jistabbilixxi l-mira li sal-2030 innaqqsu l-emissjonijiet b’1.5% biss – ċifra tal-mistħija – mhux ta’ b’xejn li kontinwament niġu kkritikati mill-Kummissjoni Ewropea għal nuqqas ta’ ambizzjoni.
L-azzjoni klimatika ma teżistix fi stat iżolat, u dan huwa sintomu ieħor ta’ popolazzjoni eċċessiva bla preċedent li qatt ma kellna pjan fit-tul għaliha.
Fit-toroq tagħna jiżdiedu madwar 58 karozza kuljum u 3% biss minnhom huma vetturi elettriċi jew hybrid. Huwa għalhekk ta’ tħassib kbir li s-sussidji għall-vetturi elettriċi mhumiex iggarantiti għall-2025, u dan biex ma nsemmux il-bżonn ta’ sussidji għal vetturi alternattivi.
Għandna bżonn pjanijiet konkreti u reali biex nissalvagwardjaw il-futur, is-saħħa, u l-ambjent tagħna, biex insostnu t-triq ’il quddiem u nippreservaw l-ekonomija tagħna b’investimenti reali fit-tul, bħal sistema tal-Metro li dejjem tiġi mwiegħda bħala proposta ewlenija f’kull kampanja elettorali biex imbagħad tiġi skartata għalkollox mill-Gvern, baġit wara l-ieħor.
It-Tibdil fil-Klima jinħtieġ azzjoni kuraġġuża li tqiegħed lill-bniedem u l-ġid komuni fiċ-ċentru tal-politika, u tiżgura tranżizzjoni ġusta li ma ssirx taxxa ġdida fuq dawk l-aktar vulnerabbli. L-ekonomija ħadra hija l-futur tat-tkabbir ekonomiku. Investiment reali minflok stqarrijiet fl-arja jiżgura impjiegi ta’ kwalità u opportunitajiet li jroddu lura bil-kbir, u għalhekk pajjiżi oħra qed jinvestu b’mod qawwi f’dan is-settur filwaqt li l-Gvern Laburista jinsisti li jidfen rasu fir-ramel.
Minflok, Malta u l-Maltin qed jitħallew b’buzzwords u arja mniġġsa bl-implikazzjonijiet diżastrużi kollha tagħha.
It-tibdil fil-klima m’għandux ikun suġġett ta’ pessimiżmu, u kieku kellna gvern kompetenti seta’ jkun il-bażi ta’ politika ambjentali u ekonomika biex tibda era ġdida ta’ suċċess sostenibbli u fit-tul.
//= $special ?>