Internazzjonali

Il-Libanu: Iżrael irnexxielu jiżra l-kaos u konfużjoni fost il-Ħeżbollah bl-isplużjonijiet tal-pagers

Il-grupp Lebaniż tal-milizji Xiti Heżbollah ħalef li jpattiha lil Iżrael wara li, nhar it-Tlieta, sofra wieħed mill-aktar attakki innovattivi u devastanti li qatt seħħew fil-Lvant Nofsani fl-aħħar snin.

Ir-reazzjoni kapaċi anki hi ‘inevitabbli’ wara li l-aġenti tal-Mossad, is-servizzi sigrieti Iżraeljani, irnexxilhom isibu u jibdlu eluf kbar ta’ pagers destinati għal-membri tal-Ħeżbollah f’bombi żgħar… bombi programmati biex jisplodu simultanjament u waqt ħin partikulari.

L-attakk – li kisser il-moral tal-Ħeżbollah – kellu wkoll element ta’ ironija peress li t-tmexxija tal-grupp militanti, fosthom il-Kap Ewlieni, Hassan Nasrallah, kienu ħarġu direttivi biex il-ġellieda u l-membri ta’ din l-entità armata jibdew jużaw il-pagers minflok it-telefons ċellulari.

Dan fost l-inkwiet li l-Mossad kien qed jirnexxilu jinterċetta l-kuntatti u l-messaġġi li kienu għaddejjin fost il-membri tal-Ħeżbollah permezz tal-mowbajls – u meta kien maħsub li l-pagers, minkejja li antikwati, kellhom inaqqsu sew mill-possibbiltà tat-tracking.

Sadanittant, diversi rapporti qed jaqblu li l-aġenti tal-Mossad infiltraw iz-zoni fejn kien hemm il-kunsinni tal-pagers destinati għal-Libanu u fejn qiegħdu l-isplussivi f’eluf minnhom.

Il-Ministeru tas-Saħħa f’Bejrut, fl-aħħar sigħat, qal li fl-isplużjonijiet sussegwenti fil-kapitali u bnadi oħra tal-Libanu mietu tal-anqas 20, b’eluf oħra jisfaw midruba – uħud kritikament, 

Fost il-vittmi hemm ukoll it-tfal, bis-sorsi u esperti mhumiex identifikati jgħidu li l-membri tal-Ħeżbollah, eżatt qabel l-isplużjonijiet, ħassew il-pagers tagħhom jisħnu – b’ħafna mill-pagers anki jipproduċu ħoss bħal ‘beep’ li kien qed jindika kuntatt mingħand ħaddieħor.

Il-membri tas-sigurtà fil-Libanu issa żvelaw li l-pagers ‘tal-mewt’ kienu daħlu fil-pajjiż diversi xhur ilu. Dan waqt li xi uffiċjali anonimi f’Iżrael u fl-Istati Uniti qalu li d-detonazzjoni tal-pagers seħħet aktar kmieni milli kien ippjanat oriġinarjament.

Fost ir-raġunijiet li ssemmew kien hemm il-possibbiltà li l-Ħeżbollah kien sar jaf dwar il-pjan u li l-uffiċjali tal-grupp setgħu jintervjenu ‘minn ħin għal ieħor’ biex jinnewtralizzaw l-isplussivi fil-pagers.