Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li t-triq ‘il quddiem trid tkun ibbażata fuq il-kwalità u l-meritokrazija

Importanti li nifhmu li ħadd m’għandu s-soluzzjonijiet kollha, u biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem hemm bżonn li kulħadd jiġbed l-istess ħabel. Huwa permezz tad-djalogu li pajjiżna jista’ jimxi ‘l quddiem, aħna nemmnu fl-imsieħba soċjali u fil-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt id-djalogu tal-Erbgħa filgħaxija li sar fi Pjazza Tritoni, bħala parti mill-attivitajiet tas-60 sena indipendenza, fejn tenna li ma nistgħux nagħtu rwoli importanti f’entitajiet pubbliċi lill-persuni li ma jkollhomx kwalifiki neċessarji, għax il-Partit Nazzjonalista jemmen fil-meritokrazija.

Grech fakkar kif ftit xhur ilu kien jgħid li permezz ta’ tliet MEP’s tal-Partit Nazzjonalista, pajjiżna jagħmel kisbiet kbar, u issa qed naraw ir-riżultati pożittivi li qed jakkwistaw il-Membri Parlamentari Ewropew.

Saħaq li l-Partit Nazzjonalista huwa kburi bil-passat tiegħu, u għalhekk iżomm il-passat f’moħħu biex dan iservi ta’ ispirazzjoni għall-futur.

Importanti li naċċettaw il-kritika, żied jgħid Bernard Grech, u mhux nimmanipulaw l-istazzjoni Nazzjonali, biex neliminaw il-kritika bħalma qiegħed jagħmel il-Gvern ta’ Robert Abela. Sostna wkoll li l-ġurnalisti huma essenzjali u għalhekk għandhom jitħallew jaħdmu fil-libertà.

Bernard Grech tenna li l-ekonomija, taħt Gvern Nazzjonalista, dejjem kibret b’mod sostenibbli għax Gvern Nazzjonalista ħoloq niċeċ ekonomiċi ġodda ta’ kwalità, f’diversi setturi waqt li dejjem ta importanza lix-xogħol tal-idejn u s-snajja. Sostna wkoll li l-edukazzjoni taħt Gvern Nazzjonalista tkun prijorità.

Fl-intervent tiegħu, Bernard Grech saħaq li Gvern Laburista għandu jagħmel ċert li jkollna garanzija ta’ ilma nadif u dawl li jiġi ġġenerat b’enerġija sostebnibli, però, sfortunatament dan il-Gvern huwa wisq mitluf jipprova jsolvi l-kriżijiet li ħoloq hu stess.

Min-naħa l-oħra, Gvern Nazzjonalista se jibni infrastruttura b’saħħitha li tiflaħ għat-tkabbir ekonomiku li jmiss, għax għall-Partit Nazzjonalista mudell ekonomiku ġdid ma jkunx ibbażat biss fuq in-numri imma fuq il-wellbeing li kull ċittadin jixraqlu.

Il-Professur George Mallia tkellem dwar il-karikaturi tiegħu u qal li f’dan il-pajjiż huwa diffiċli ma tiġikx l-ispirazzjoni għall-karikatura, għax sfortunatament qegħdin f’pajjiz b’nuqqas ta’ viżjoni. Hu qal li jagħmel karikatura li ġġiegħel lin-nies jaħsbu, dan fi żmien meta qed terġa’ tikber il-biża’ li jkun hemm vendetta politika. Mallia spjega kif il-karikatura hija mezz eċċellenti ta’ komunikazzjoni, li permezz tagħha hu juri s-sitwazzjoni tal-biki li fiha jinsab pajjiżna.

Joe Farrugia, Eks Direttur tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem , saħaq li hemm ħafna aspetti li n-negozju ma jkollux kontroll fuqhom, bħal mhuma l-gwerer u l-pandemiji, għalhekk hemm ir-responsabiltà tal-Gvern li tagħti direzzjoni, però llum qed jinħass anke mill-imsieħba soċjali l-bżonn ta’ viżjoni ekonomika. Għalhekk il-Gvern irid jagħmel studju intensiv kif se jnaqqas il-popolazzjoni, ma nistgħux nikbru bl-adoċċ, kompla jisħaq Farrugia, u ma nistgħux nibnu bla pjan. Għandna ħafna ħela ta’ art kif ukoll ħela ta’ riżorsa umana, temm jgħid Farrugia.

Marisa Xuereb, stqarret li l-ekonomija mhux dwar il-flus biss imma dwar il-kwalità tal-ħajja tan-nies kif ukoll l-aspett ambjentali u tekonoloġiku, u fl-aħħar snin rajna kif kellna tkabbir ekonomiku askapitu tal-ambjent. Għalhekk jeħtieġ li jkun hemm investiment fit-teknoloġija, kompliet tgħid l-Eks President tal-Kamra tal-Kummerċ, waqt li qalet ċar u tond li f’pajjiżna m’għandniex mudell ekonomiku u dan mhux tort tas-suq ħieles. Spjegat kif il-policies qed jinkoraġġixxu l-iżvilupp f’artijiet ODZ, u għalhekk tenniet li l-viżjoni tal-pajjiż għandha tkun waħda ħolistika.

Michael Galea, il-President tal-Gozo Business Chamber, tkellem dwar kif il-konnettività ta’ bejn Malta u Għawdex, li fil-preżent tiddependi biss fuq il-Gozo Channel, kumpanija li jeħtieġ li tagħmel pjan fit-tul u għalhekk għandha bżonn iżid vapur ieħor hekk kif fost l-oħrajn il-burdnara qed ibatu ħafna.

Dwar l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex, Galea spjega kif l-isptar ġdid għadu ma mmaterjalizzax minkejja li dan huwa esenzjali hekk kif id-demografija f’dawn l-aħħar 10 snin inbidlet ħafna tant li l-popolazzjoni żdiedet bi 15%, waqt li l-maġġoranza tal-popolazzjoni qegħda wkoll tixjieħ. Galea temm jgħid li Għawdex għandha bżonn iżjed awtonomija.

Daniel Vella Fondacaro, psikjatra, sostna li l-edukazzjoni ħolistika, fosthom dik informali u instituzzjonali, hija essenzjali. Stqarr li fir-rigward tal-wellbeing tal-persuna, il-poplu fadalu ħafna x’jitgħallem, waqt li fis-saħħa mentali saru passi ‘l quddiem però fadal xi jsir qalb l-atleti. Vella Fondacaro temm jgħid li aħna lkoll umani u għalhekk iktar ma nkunu ġentili ma’ xulxin, iktar noħolqu ambjent sabiħ.