Lokali

“In-nomina ta’ Edward Zammit Lewis għal Imħallef fil-Qorti Ġenerali tal-UE hija perverżjoni tal-ġustizzja” – PN

"Inaċċettabbli li l-Gvern irid jibgħat persuna ħabib tal-qalb ta’ Yorgen Fenech, akkużat fil-Qorti li hu l-moħħ wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia"

In-nomina ta’ Edward Zammit Lewis biex iservi bħala Imħallef fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea hija perverżjoni tal-ġustizzja u prova ċara oħra li l-Gvern ta’ Robert Abela ma jinteressah xejn mill-interess nazzjonali u moħħu biss biex jaqdi l-interessi partiġjani tal-Partit Laburista u ta’ dawk tal-qalba.

Kien dan li ħareġ minn stqarrija tax-Shadow Minister għall-Ġustizzja, Karol Aquilina f’isem il-Partit Nazzjonalista fejn tkompli tgħid li huwa inaċċettabli li minn fost il-persuni kollha li esprimew interess f’din il-kariga, intgħażel l-uniku wieħed li kien jifforma parti minn gvern li ġie kkundannat minn tliet imħallfin għall-klima ta’ impunità li ħoloq u li wasslet għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fakkar kif huwa ta’ għajb li bħala Mħallef fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern irid jibgħat persuna ħabib tal-qalb ta’ Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija korrotta 17 Black u l-persuna li tinsab akkużata fil-Qorti li hija l-moħħ wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dawn huma fatti li ebda intervista u ebda proċess ta’ għażla fażull ma jista’ jħassarhom.

Anke karattru bħal “Ġaħan” jasal biex jifhem li n-nomina ta’ Zammit Lewis hija ta’ ħsara għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna, iżda l-Gvern ta’ Robert Abela qed jiġi jaqa’ u jqum u jrid jibqa’ għaddej romblu bil-politika ta’ governanza ħażina.

Din id-deċiżjoni tkompli tikkonferma dak li kien kiteb Zammit Lewis innifsu dwar it-tmexxija ta’ pajjiżna minn Gvern Laburista: “Tfal u pożi… kompetenza politika żero”. Il-ħasra hija li għal dan il-mod irresponsabbli ta’ tmexxija mhu qed ibati ħadd ħlief il-poplu Malti u Għawdxi. 

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li l-għażla ta’ persuni nominati minn pajjiżna biex iservu f’karigi għolja fl-Unjoni Ewropea għandha tkun ibbażata fuq il-mertu u l-kompetenza u mhux fuq il-konvenjenza politika partiġjana.