Lokali

It-theddid għal-libertà tal-kelma għandu jieqaf – Repubblika

Seba’ snin mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u mhux talli ma ġewx implimentati r-riformi għall-protezzjoni tal-ġurnalisti li rrakkomandat l-inkjesta pubblika, talli l-Partit Laburista qed jhedded li jreġġa’ l-arloġġ lura għall-persekuzzjoni tal-libelli kriminali.

Dakinhar li nqatlet Daphne Caruana Galizia kienet qed tiddefendi ruħha minn ħames prosekuzzjonijiet miġjuba kontriha mill-Pulizija.

Għaliha wkoll kienu jgħidu li kienet parti minn klikka, li kienet ħażina, li kienet tkisser in-nies. U dan minkejja li kellha raġun u dawk li għajruha kienu jafu li kellha raġun.

Il-kriterji li ġab il-prim ministru lbieraħ f’kummenti li ta, huma tal-waħx. Robert Abela hu kkwotat jgħid hekk: “Ir-realtà hi li hemm klikka żgħira ta’ nies li jippretendu li huma ġurnalisti imma mhumiex ġurnalisti (…) jgħidu li qed ifittxu l-verità iżda għandhom aġenda tal-ħażen (…) l-aġenda ta’ dawn l-indivdwi li jużaw pjattaformi online sabiex ikissru nies ta’ rieda tajba.”

Iżda b’mod tassew preokkupanti Robert Abela irrifjuta li jgħid għal min kien qed jgħid. Minflok, irid il-poter jiddeċiedi hu min hu ġurnalist u min mhux, min ħaqqu l-protezzjoni tal-liġi u min le, min hu ħażin u min mhux.

Jekk il-prim ministru jidhirlu li l-liġijiet li għandna mhumiex biżżejjed biex jagħtu rimedju lil min iħossu malafamat, għandu jgħid għal-liema ċirkostanzi qed jirreferi: għandu jsemmi eżempji ta’ stqarrijiet jew artikli li li kien għalih kien jibgħat il-Pulizija biex jarrestaw u jressqu l-awturi tagħhom.

Jekk ma jagħmilx hekk, il-prim ministru qed iżid l-intimidazzjoni fuq il-kelma ħielsa u d-demokrazija tagħna tkompli titherra.

L-appell tagħna hu li tassew isiru riformi li iżda jsaħħu mhux ikissru l-libertà tal-kelma. Il-ġurnalisti għandhom ikunu liberi jirrappurtaw dak li n-nies fil-poter iridu jostru, mingħajr biża’ li jiġu ppersegwitati.