Minkejja li fl-aħħar xhur it-tfal u ż-żgħażagħ kienu qed igawdu l-vaganzi tas-sajf ‘il bogħod mill-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi, it-traffiku baqa’ jippersisti.
U bla dubju ta’ xejn li wieħed jistaqsi x’inhu ġej mill-ġimgħa d-dieħla meta l-istudenti jerġgħu jirritornaw fuq il-bankijiet tal-iskola għal sena skolastika ġdida. Bil-Ministru tat-traffiku, Chris Bonett, jikkonferma ma’ Net News li ma ħasibx għal soluzzjoni.
“Jekk qed naħsbu li fl-ewwel ġurnata tal-iskola mhux se jkun hawn traffiku nkunu qed nidħqu b’xulxin,” qal Bonett. “Nafu, iva, li fil-ħinijiet, b’mod speċjali fil-ħinijiet ta’ bejn is-6am u d-9am bejn Ottubru u Ġunju jkun hemm influss ta’ karozzi.”
Il-Ministru prova jgiddeb id-diskors ta’ Daniel Attard meta qal li hu ovvju li t-traffiku żdied fl-aħħar snin.
“Ngħidu għax it-traffiku żdied,” kien qal Attard. “Jiena rrid nara studju dwar kemm it-traffiku verament żdied.”
“Mhux ovvja li żdied it-traffiku,” ikkonferma magħna Bonett. “Le, le, m’għandi l-ebda problema ngħid li żdied it-traffiku.”
U apparti li lanqas offra mqarr soluzzjoni waħda li hi waħda, tefa’ l-ħtija tal-inkompetenza ta’ Gvern Laburista f’dan is-settur fuq il-poplu Malti u Għawdxi.
“Sta għalina li nagħmlu l-esperjenza inqas trawmatika possibbli, kemm jista’ jkun, għal kulħadd,” qal Bonett.
Mistoqsi wkoll jekk ix-xogħlijiet infrastrutturali f’għadd ta’ lokalitajiet hux se jkunu lesti biex itaffu xi ftit mit-traffiku li mistenni jiżdied, il-Ministru qal li kemm f’Tal-Barrani u ankie f’Ħal Qormi, ix-xogħol baqagħlu biex jitlesta.
“Ħa jkun hemm xogħol ieħor li se jsir f’Tal-Barrani,” qal Bonett. “F’Ħal Qormi] hemm dik il-biċċa parti minnu, li fejn qed isir ix-xogħol ta’ tisħiħ tad-distribuzzjoni tad-dawl se tkun qed tibqa’ għaddejja.”
Mistoqsi jekk il-Ministeru tiegħu hux se jdaħħal fis-seħħ xi forma ta’ azzjoni biex it-traffiku ma jibqax jeħel f’każ ta’ inċident…. huwa kkonferma biss li jeħtieġ xogħol fuq ir-response time.
“Għandna bżonn nagħmlu iktar xogħol fuq ir-response time?,” qal Bonett. “Mela le, nistgħu naċċettawha dik il-kritika.”
//= $special ?>