Lokali

L-IĠM iċanfar lill-esponenti tal-Partit Laburista talli reġgħu rxuxtaw l-idea li jerġa’ jiddaħħal il-libell kriminali

L-IĠM kien, għadu u jibqa’ kontra l-libell kriminali. Hu ta’ dispjaċir li xi esponenti tal-Partit Laburista reġgħu rxuxtaw l-idea li jerġa’ jiddaħħal il-libell kriminali wara li kien il-gvern Laburista li neħħieh fl-2018.
L-IĠM jittama li dawn il-vuċijiet singulari huma biss waħdiet u ma jirrappreżentawx sforz akbar fil-Partit Laburista biex isseħħ U-turn fuq il-libell kriminali.

Il-libell kriminali għandu l-effett li jbeżża’ u jikkundizzjoni l-liberta tal-kelma u l-ġurnalisti minħabba t-theddida ta’ ħabs. Fil-passat intuża’ kemm-il darba b’mod vessattorju mill-politiċi u oħrajn biex jagħlqu ħalq il-ġurnalisti. Malta m’għandiex tirrittorna għal dan l-istat, u minflok il-pajjiż għandu jimplimenta riformi li jsaħħu l-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-libertà tal-espressjoni.

L-IĠM jistenna dikjarazzjoni ċara mill-gvern li m’għandux intenzjoni li jerġa’ jdaħħal il-libell kriminali jew iżid il-penali tal-libell ċivili. L-arloġġ m’għandux jitreġġa’ lura.