Ċifri maħruġa llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jikkonfermaw li fis-sajf reġgħet bdiet tgħolli rasha l-kriżi tal-għoli tal-ħajja. Dan minkejja li Robert Abela, ilbieraħ, stqarr mal-ġurnalisti li rnexxielu jikkontrolla l-inflazzjoni – biċ-ċifri stess igiddbu dak li qal il-Prim Ministru.
Fil-fatt, f’Awwissu li għadda, ir-rata annwali tal-għoli tal-ħajja kif imkejla mill-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet taʼ 2.4 fil-mija; żieda mir-rata taʼ 2.3 fil-mija rreġistrata x-xahar taʼ qabel.
Dan ifisser ukoll li erġajna morna lura għal kif kienet is-sitwazzjoni f’April li għadda; konferma li l-effett tal-iskema Stabbiltà kien prattikament ineżistenti.
FʼAwwissu, skont l-NSO, l-akbar kontribuzzjoni għall-inflazzjoni annwali ġiet mill-Indiċi tar-Restoranti u lukandi (+0.64 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla tas-servizzi tar-restoranti.
It-tieni u t-tielet l-akbar kontribuzzjonijiet li waslu għal żieda fil-prezzijiet kienu innotati fl-Indiċi tal-Ikel u x-xorb mhux alkoħoliku (+0.60 punti perċentwali) u fl-Indiċi tat-Trasport (+0.41 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla tal-ħaxix u n-nollijiet tal-ajru, rispettivament.
//= $special ?>